Il-Kunsilli Lokali tal-Mosta, Ħal Luqa, il-Gżira, Raħal Ġdid, l-Imġarr u Ħaż-Żabbar huma biss uħud minn Kunsilli oħra li ssieħbu fi ftehim mad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni għal servizzi addizzjonali fil-lokalitjiet f’każ ta’ bżonn.
F’konferenza tal-aħbarijiet, id-Direttur Ġenerali Ramon Deguara spjegalna li l-Kunsilli Lokali diġà joffru dawn it-tip ta’ servizzi permezz tal-kuntratturi privati, iżda dejjem ikun hemm bżonn dik in-naqra aktar għajnuna.
Huwa stqarr: “Nagħtu għajnuna addizzjonali mas-servizzi li joffru huma ta’ kuljum. Dejjem ikollhom bżonn għajnuna addizzjonali. Hemmhekk tidħol id-diviżjoni biex nagħtu l-kontribut aħna wkoll. Tul l-2020 ħdimna miljun u sitt mitt elf ħidma addizzjonali. Tul din is-sena ħdimna mat-tmien mitt elf ewro oħra.”
Il-ftehim iffirmat is-Sibt bejn dawn il-Kunsilli Lokali se jassigura li jekk ikun hemm bżonn għajnuna fejn jidħol it-tindif jew żamma tal-lokalità, din tingħata.
Deguara spjega wkoll li eventwalment din l-inizjattiva se tilħaq il-Kunsilli kollha: “Wasalna sa madwar 31 kunsill lokali li ffirmaw l-MOUs. Għandna taħditiet ma’ xi tmienja jew disgħa oħra biex il-Kunsilli kollha jibbenefikaw ukoll.”
Il-Gvern ċentrali u l-kunsilli lokali jagħmlu mill-aħjar biex ir-residenti jgawdu minn pajjiż nadif u miżmum tajjeb, iżda importanti li aħna stess nifhmu x’inhu l-irwol tagħna fiż-żamma tal-lokalitajiet.
Deguara sostna: “Il-poplu għandu jkun parti mis-soluzzjoni mhux il-problema. Hawn is-servizzi governattivi kollha fejn wieħed jista’ jarmi l-iskart b’xejn. Naħseb aħna l-uniku pajjiż fl-Ewropa fejn hawn is-servizz b’xejn. Ħadd m’għandu jabbuża mis-servizzi. Wieħed għandu jikkopera u jiddisponi mill-iskart tiegħu fejn suppost u kif suppost.”
Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista li rringrazzja lill-Kunsilli Lokali u l-ħaddiema tad-Diviżjoni tal-impenn tagħhom, u fisser li dawn il-ftehmiet isaħħu l-għajnuna li diġà tingħata.