Mis-sena d-dieħla studenti Żvizzeri li se jieħdu l-kors fl-immaniġġjar tal-ospitalità internazzjonali, kemm fil-livell ta’ degree kif ukoll bħala Master’s, se jkollhom l-opportunità li jistudjaw il-kors li toffri l-ITS mill-Iżvizzera stess.
Dan se jkun possibbli b’riżultat ta’ ftehim li sar bejn l-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-ITS, u l-Bella Vista Institute of Higher Education fl-Iżvizzera, magħruf bħala l-BVIS.
Il-ftehim ġie ffirmat it-Tnejn filgħodu waqt konferenza bit-tema ‘Malta – Ċertezza u Stabbiltà’, li ġiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo.
Il-Ministru spjega l-irwol importanti li għandha l-ITS sabiex tassigura settur turistiku b’saħħtu li jkun ippreparat għaż-żmien li ġej, filwaqt li toffri edukazzjoni li twassal għal aktar titjib fis-servizz li jingħata fil-qasam tal-ospitalità.
Il-Kap Eżekuttit tal-ITS, Pierre Vella, qal li dan il-ftehim seħħ wara xhur ta’ negozjati, u se jfisser li studenti Maltin se jkollhom opportunitajiet oħra sabiex jistudjaw barra minn xtutna. Fl-istess waqt, meta jiftaħ il-kampus il-ġdid tal-ITS fi Smart City, li qed isir b’investiment ta’ 40 miljun ewro, studenti mill-Iżvizzera se jkunu jistgħu jistudjaw f’pajjiżna wkoll.
“Din se tkun qed tiftaħ fuq orizzonti aktar internazzjonali l-offerta tagħna, u dawk huwa in-line mal-istrateġija tagħna illi ninternazzjonalizzaw aktar l-offerta tal-ITS matul dan iż-żmien fejn se nkunu qegħdin, jekk Alla jrid, nimxu għall-kampus il-ġdid tal-ITS ġewwa Smart City.”
Min-naħa tiegħu, il-President tal-BVIS, Istvan Ujhelyi, qal li dan il-ftehim se jkun qed jgħaqqad liż-żewġ pajjiżi b’ideat ġodda għal servizz aħjar fis-settur turistiku.
“I think in the future we will have a very strong tourism industry, it means, it is very important and useful to learn tourism in the educational systems and the ITS will be one of the strongest pillar of this institution that works.”
Sadattant, għadhom għaddejjin aktar diskussjonijiet għal aktar koperazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet edukattivi.