Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-General Workers Union (GWU) iffirmaw ftehim dwar il-mod li bih se joperaw, issa li se jitwettqu proġetti li se jwasslu għal avvanzi kbar fis-settur tas-saħħa f’pajjiżna.
L-istess bħal dak li kien iffirmat mal-MUMN ftit tal-ġimgħat ilu, il-ħaddiema li huma rappreżentati mill-GWU se jibqgħu ħaddiema tal-Gvern bl-istess drittijiet u kundizzjonijiet li għandhom issa.
Dawn jinkludu n-nies tal-ambulanzi, uffiċjali ta-sigurtà, dawk inkarigati mit-tindif u nursing aids fl-isptar San Luqa, Karen Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Se jgawdu wkoll minn titjib sostanzjali li qed isir biex Malta tkompli issir ċentru ta’ eċċelenza fil-qasam mediku. Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ddeskriva dan il-ftehim bħala pass ieħor li se jwassal għall-era ġdida fil-qasam tas-saħħa.
Is-Segretarju tal-General Workers Union, Josef Bugeja qal li apparti li l-ħaddiema se jibqgħu jiġu aċċertati l-aħjar kundizzjonijiet, issa l-pass li jmiss se jkun proċess ta’ taħriġ, biex tiġi garantita l-aħjar karriera għal dawn il-professjonisti.
“Permezz ta’ dan il-qbil, rajna kif ħa ntejbu l-livell tas-saħħa u s-soċjetà Maltija inġenerali” temm jgħid Bugeja.