Il-Gvern permezz tal-Ministeru għall-Ambjent qed ikompli jsaħħaħ l-investiment fiż-żoni ambjentali rurali, fosthom f’sit ta’ Natura 2000.
Dan grazzi għal kollaborazzjonijiet ma’ għaqdiet mhux governattivi sabiex iħarsu dawn il-postijiet, kemm mill-aspett ambjentali u anke mill-aspett storiku.
Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia qal kif dan il-ftehim se jwassal biex dawn is-siti ambjentali jinfetħu għall-pubbliku.
“L-NGOs ambjentali huma msieħba strateġiċi biex nipproteġu u nippromovu l-wirt storiku u ambjentali ta’ pajjiżna. Għalhekk illum f’isem il-Gvern Malti ffirmajt dan il-guardianship deeds ma’ numru ta’ NGOs biex dawn il-postijiet mifruxa f’Malta u Għawdex. Ovvjament siti Natura 2000, ħafna minnhom jiġu kkurati għaliex fl-aħħar żmien kienu abbandunati. Biex b’hekk dawn il-postijiet jiġu issa rinovati u jinfetħu għall-pubbliku Malti u Għawdxi.”
Fosthom hemm sit ta’ aktar minn 14,000-il metru kwadru f’Kemmuna li ġiet f’idejn Friends of the Earth Malta.
Din l-Art Ħelwa għandha medda ta’ art ta’ 670 metru kwadru fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali.
Iż-żona tar-Razzett tal-Qasam li jkopri aktar minn erbat elef metru kwadru ngħata lill-Fondazzjoni Rurali Manikata.
Il-Ministru Farrugia saħaq li f’dan il-ftehim, l-għaqdiet qablu li jkun rispettat il-valur ekoloġiku u se tkun promossa l-edukazzjoni dwar l-aspett ambjentali fl-inħawi.