Il-vot b’saħħtu favur il-ftehim kollettiv il-ġdid tal-għalliema milħuq mal-Gvern ikompli jagħti kuraġġ lill-għalliema biex ikomplu bil-ħidma tagħhom, ladarba hu ftehim sodisfaċenti għalihom.
Dan qalu l-President tal-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, Marco Bonnici, fi tweġiba bil-miktub lil ONE News meta mistoqsi għar-reazzjoni tiegħu għall-ftehim li nkiseb.
Waqt li qal li dan kien proċess ta’ negozjati li kien ilu għaddej sena u nofs, Bonnici qal li f’dan iż-żmien “dejjem ħarisna lejn kif l-edukaturi se jkunu stmati fil-ħidma tagħhom biex ikomplu jagħtu l-aqwa servizz lill-istudenti.”
Dan wara li l-MUT qalet li 92% tal-membri fi ħdanha vvotaw favur dan il-ftehim kollettiv, li hu applikabbli għall-għalliema kollha fl-iskejjel tal-Gvern u tal-Knisja.
Il-vot wassal biex l-MUT, formalment, informat lill-Ministru responsabbli mill-edukazzjoni, Clifton Grima, biex jipproċedi bil-proċess tal-iffirmar tal-ftehim, filwaqt li l-istess unjin irringrazzjat lil dawk kollha involuti biex inkiseb tali riżultat.
Ftit wara li tħabbar dan kollu, il-Prim Ministru Robert Abela kien innota kif il-Gvern żamm kelmtu biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-edukaturi b’mod sinifikanti. Hu kien irrimarka kif l-edukazzjoni hi waħda mill-pilastri li l-Gvern se jkompli jaħdem fuqhom u qal li se jkompli jibni fuq il-kundizzjonijiet li jixirqu aktar lill-ħaddiema, b’mod partikolari, permezz ta’ titjib fil-pagi.
Bonnici nnota l-parteċipazzjoni attiva ta’ ħafna edukaturi li wrew interess permezz tal-konsultazzjoni qabel waslu għall-vot u eventwalment għall-iffirmar tal-ftehim.