Ftehim bejn il-Fondazzjoni Emanuel Cancer Research u l-Università ta’ Malta se jwassal għal żewġ proġetti ta’ riċerka dwar il-kanċer f’Malta, li jammonta għal miljun u mitejn elf ewro.
Dan il-ftehim ser iwassal sabiex isir studju dwar il-bżonnijiet emozzjonali u mentali tal-pazjenti tal-kanċer.
Preżenti kien hemm il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici li qal kif l-appoġġ tal-akkademiċi fl-Università ta’ Malta fir-riċerka tagħhom dwar il-kanċer huwa kruċjali ħafna.
Huwa stqarr: “Titjib fil-metodi ta’ kif pażjent jingħata l-għajnuna meta jkollu l-kanċer. Dan huwa kollu xogħol importanti ħafna illi turi kemm ir-riċerka tagħmel differenza fil-ħajja tal-persuni u tal-bnedmin li jgħixu fid-dinja.”
Il-President Emeritu, l-Eċċellenza tagħha Marie-Louise Coleiro Preca, li hija wkoll Chairperson tal-Fondazzjoni, qalet kif qatt ma kien hemm żmien aħjar li tissaħħaħ ir-riċerka f’dan il-kamp, waqt żmien ta’ pandemija.
Is-sena li għaddiet kien hemm elfejn u ħames mitt każ ta’ kanċer f’pajjiżna, u dan l-istudju se jwassal biex Malta titpoġġa fuq il-mappa globali tal-ġlieda kontra l-kanċer, u tattira kollaboraturi ewlenin madwar id-dinja.