Il-Korporazzjoni tal-Port Ħieles flimkien mas-Sailing club u r-regatta club ta’ Birżebbuġa ffirmaw Memorandum of Understanding bil-għan li jissiġġilaw ftehim sabiex biċċa art tal-Malta Freeport Terminals tingħata lill-istess klabbs sabiex ikunu jistgħu jużawha għal użu sportiv tagħhom.
Membru tal-Birżebbuġa Sailing Club, tenna li din l-art hija essenzjali għalihom għaliex b’hekk it-taħriġ u l-preparamenti għal kompetizzjonijiet lokali u internazzjonali jsiru b’iktar kumdità u professjonalità.
“Inkunu nistgħu nipprattikaw daqs li kieku qisna barra minn Malta għax issa li qiegħdin nikkompetu ta’ livell Internazzjonali għandna bżonn li nikkompetu f’dan it-tip ta’ riħ u postijiet” qal Jake Mallia.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Kap eżekuttiv tal-Korporazzjoni tal-Port Ħieles, David Magro qal li l-art kienet qed isservi bħala parkeġġ għall-Malta Freeport Terminals, li dan l-aħħar ma’ kienx qed jintuża.
“Parti mill-parking area li kellhom it-terminals ma kienx qed jintuża, għamlu talba biex jibdew jużawha għad-dgħajjes biex jibdew jużawha t-tfal u dil-biċċa ovjament b’arranġament li bdejna aħna wkoll l-awtoritá, it-terminals aċċettaw li tingħata lura lilna u ovjament aħna skattajna proġett mal-lands u ma’ Sport Malta” qal Magro.
Intant preżenti għal din il-konferenza f’Birżebbuġa attendew il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, il-Ministru għall-infrastruttra Ian Borġ u s-Segretarju Parlamentari għall-Isport Dr Clifton Grima.
Minn naħa tiegħu l-Ministru Konrad Mizzi tenna li l-għotja ta’ din l-art tagħmel parti mill-pjan tal-Gvern għar-riġenerazzjoni ta’ Birżebbuġa. Huwa elenka wkoll wħud mill-proġetti li qed isiru biex ikomplu jgħinu l-komunità Birżebbuġija.
“Warajna eżatt ħdejn is-Sailing Village se jkun hemm ġnien li se jissepara il-Freeport minn mal-komunitá. Dan huwa parti mir-riġenerazzjoni ta’ Biżebbuga. Ftit ġimgħat ilu nedejna bl-iskate u se nkomplu bil-promenade.”
Il-Ministru Ian Borġ qal ukoll li issa l-Awtorità tal-artijiet ser tkun responsabbli mit-trasferiment ta’ din l-art.
Art li tagħti wkoll l-lok sabiex il-Gvern ikompli jiżviluppa Infrastruttura b’saħħitha għal din il-lokalità.
“Issa tagħtina l-opportunitá li flimkien magħhom anke bħala Gvern anke bħala Ministeru nippjanaw kif ukoll anke naħdmu xogħlijiet ta’ infrastruttura ħalli nkomplu nirriġenerawu ntejbu din iż-żona tat-tfal tal-familji tan-naħa ta’ isfel tal-pajjiż.”
Minn naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-isport Dr Clifton Grima tenna li dan huwa pass importanti ‘l quddiem sabiex atleti Maltin ikollhom iktar riżorsi li jgħinuhom iġibu riżultati posittivi lejn pajjiżna.
“Huwa pass siewi l-quddiem, huwa pass li fuqu rridu nkomplu nibnu u nwessaw l-oriżżonti tagħna f’dak li għandu x’jaqsam bħala sport u bħala riżultati mhux biss fl-livell nazzjonali imma kif ukoll internazzjonali.”