L-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u l-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST daħlu għall-ftehim biex jiġu żviluppati korsijiet apposta li ser jaraw li priġunieri li qed jiskontaw is-sentenza tagħhom fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jiksbu korsijiet akkreditati ta’ livell MQF.
Permezz ta’ dan il-ftehim, il-priġunieri mhux biss ser ikunu jistgħu jiżviluppaw il-kapaċitajiet u l-għarfien tagħhom, iżda wkoll se igawdu mill-benefiċċju ta’ taħriġ validu biċ-ċertifikati li jistgħu jintużaw biex il-priġunieri, wara li ikunu skontaw is-sentenza tagħhom, ikunu jistgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Id-Deputat Prinċipal tal-MCAST, Dr Mario Cardona, spjega li fost l-għażla ta’ korsijiet hemm dawk iffokati fuq żvilupp ta’ ħiliet bażiċi li jinkludu kif wieħed jieħu ħsieb il-finanzi personali, kif ukoll korsijiet manwali fejn wieħed jista’ jitgħallem xogħol tal-injam fost oħrajn.
Qal, “Dan l-MOU qed naraw kif aħna, immorru għandhom biex noffrulhom korsijiet akkreditati ta’ livell li jistgħu jgħinuhom biex meta joħorġu mill-Faċilità jintegraw ruħhom fis-soċjetà u fid-dinja tax-xogħol.”
L-Aġent Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, Robert Brincau spjega kif din l-inizjattiva ser tgħin biex inqas priġunieri jerġgħu jidħlu l-ħabs hekk kif qed jingħataw aktar opportunitajiet biex jitħarrġu u jibdew ħajja ġdida.
Spjega, “Inizjattivi bħal dawn, flimkien mas-sigurtà, se jgħinu lill-priġunier biex jibdew ir-riforma tiegħu. Hemmhekk qed nippreparaw għall-inklussività biex hu jidħol fis-soċjetà, kif ukoll qed intuh iżjed għodda biex ma jerġax jagħmel reat ieħor”.
Preżenti għall-iffirmar kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana u l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri.
Tal-ewwel qalet li ftehim bħal dan huwa sinifikanti għaliex permezz tiegħu l-MCAST se tkun qed tgħin lill-priġunieri jibnu l-futur tagħhom.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Camilleri qal kif dan il-ftehim ser iwassal biex il-priġunieri jingħataw l-għodda meħtieġa biex jimxu ’l quddiem f’ħajjithom u l-edukazzjoni hija l-qofol ta’ kollox.