Ġie ffirmat ftehim li se jwassal biex il-komunità tal-Ħamrun tkun tista’ tagħmel użu mill-parkeġġ tal-Iskola Sekondarja, l-eks Liċeo, u dak fil-kumpless tal-eks Maria Assunta Sekondarja.
Il-ftehim mhux se jaffettwa l-użu tal-parkeġġi mill-edukaturi u mill-amministrazzjoni tal-iskejjel u lanqas meta jkun hemm attivitajiet tal-massa organizzati mill-iskejjel.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, sostna li dan il-ftehim hu parti mill-ħidma biex l-edukazzjoni tkun eqreb tal-komunità.
Qal, “Il-viżjoni tagħna hi waħda li tassigura li nużaw bl-aqwa mod possibbli ir-riżorsi tal-pajjiż u allura qegħdin naraw proprju dejjem aktar kollaborazzjoni bejn il-komunitajiet tagħna u l-iskejjel tagħna. Skejjel li fil-passat kienu assoċjati biss ma’ dak li hu l-ħin tal-iskola, imma llum qegħdin ngħidu li, anke wara l-ħinijiet tal-lezzjonijiet l-iskejjel, għandhom rwol importanti fil-komunitajiet tagħna.”
Hu spjega li, fost il-faċilitajiet li hemm disponibbli għall-użu tal-komunità, hemm dawk sportivi, swali u spazji oħrajn. Anke kif qed isir permezz tal-ftehim li ġie ffirmat, il-Ministeru qed jara li dawn ma jkunux spazji vojta fil-ħin li ma jkunux qed jintużaw.
Sadanittant, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, faħħret dan il-ftehim bejn iż-żewġ skejjel u l-Kunsill Lokali tal-Ħamrun u qalet li l-ispazji ta’ parkeġġ bla ħlas f’lokalità urbana bħal din se jtejjeb b’mod sinifikanti l-konvenjenza għar-residenti.
Il-ftehim jinkludi wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi biex jiġi żgurat li l-parkeġġi jkunu siguri u mnaddfa kif suppost. Is-sigurtà se tkun ipprovduta permezz ta’ gwardjani tas-sigurtà u kameras ta’ sorveljanza.
Is-Sindku tal-Ħamrun, Christian Sammut, irringrazzja lil dawk kollha li kienu involuti fit-taħditiet li wasslu għall-ftehim.
Qal, “Kuntent ħafna li wasalna s’hawnhekk wara ħafna ftehim, kuntent li se jkollna ftehim fejn se jkunu jistgħu n-nies residenti u dawk li jiġu l-Ħamrun ikollhom post aktar fejn jipparkjaw. Dan se jkun qed jgħin biex innaqqsu t-traffiku fit-toroq tagħna, il-fatt li se jkollhom post fejn jistgħu jiġu jipparkjaw hawnhekk mal-ewwel f’ċerti ħinijiet li għandnha ftehim fuqhom. Għalhekk nappella lin-nies biex jagħmlu użu minn dawn il-parkeġġi ħalli nkomplu nsibu s-soluzzjonijiet biex ikollna aktar post fejn wieħed ikun jista’ jipparkja.”