Ġie ffirmat ftehim bejn is-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza u l-għaqda LGBTI+ Gozo li se jassigura l-għajnuna għal dawk li jkollhom bżonnha permezz ta’ investiment ta’ €30,000. Dawn il-flus se jagħmluha possibbli li l-għaqda tingaġġa community worker bil-għan li l-komunità LGBTIQ+ f’Għawdex ikollha punt ta’ riferiment.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, li kien preżenti għall-iffirmar, qal li dan il-Gvern huwa impenjat li jkompli jkun ta’ għajnuna għall-persuni LGBTIQ+ u fakkar fl-għajnuna li l-Gvern ta biex l-għaqda LGBTI+ Gozo setgħet tiftaħ l-ewwel uffiċċju f’Għawdex u f’meta ġiet organizzat l-ewwel ‘Pride March’ fil-gżira. Huwa saħaq li l-Gvern se jkompli isostni l-pedamenti li bniet din l-organizzazjoni tul dawn l-aħħar tmien snin.
“Permezz ta’ ftehim mal-Gvern se jkun qed jgħin lil din l-istess għaqda, anke permezz ta’ community workers, biex dawn is-servizzi jibqgħu jiżdiedu wkoll fil-gżira Għawdxija.”
Anki s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, enfasizzat fuq l-impenn tal-gvern huwa li jsaħħaħ l-ugwaljanza f’Għawdex. Hija qalet li huwa kruċjali li jinħolqu komunitajiet li l-għan tagħhom ikun li tinbena soċjetà iktar ugwali.
“Għaldaqstant, se nkomplu nsaħħu l-ugwaljanza f’Għawdex, anke permezz ta’ numru ta’ attivitajiet.”
Hija fakkret li din l-għajnuna hija parti minn diversi inizjattivi li qed isiru qabel il-Europride, li se jsir f’Malta f’Settembru li ġej.