Ġie iffirmat ftehim bejn il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (l-MCST) u l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali (l-MDIA).
Dan il-ftehim qiegħed ifassal pjan ta kollaborazzjoni bejn dawn iż-żewg entitajiet, biex ikomplu jappoġġjaw u jsaħħu l-innovazzjoni fis-settur diġitali.
L-MCST u l-MDIA se jaħdmu flimkien u jagħmlu l-almu tagħhom biex jixprunaw l-iżvilupp fil-qasam tat-Teknoloġija Diġitali Ġdida, billi jgħaqqdu flimkien u jużaw il-ħiliet, il-kompetenza, u l-esperjenza tagħhom.
Dan għandu jtejjeb l-impenn fil-qasm tat-Teknologija Diġitali f’Malta.
Din il-kollaborazzjoni se tkun tarġa oħra, biex tidher il-viżjoni ta’ Malta li tkun ċentru ta’ eċċellenza fil-qasam diġitali.
L-għan ewlieni tal-MCST u l-MDIA flimkien huwa ċar: li jindirizzaw l-isfidi lokali f’dan il-qasam.
Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Artijiet, Silvio Schembri, spjega li dan il-ftehim għandu l-għan li jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ partijiet prinċipali f’din il-mixja kontinwa lejn il-qalba diġitali.
Qal, “Biex naraw li l-ekonomija tagħna tkompli tikber f’setturi li aħna bħala Gvern qed nippromovu, speċjalment bħar-riċerka u l-innovazzjoni, u allura inti tista toħloq attività ekonomika li trendi pagi ħafna aħjar, u allura rendiment iktar lejn pajjiżna. Dan huwa ftehim sabiex ikompli jimbotta lejn dik id-direzzjoni.”
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, spjega li b’dan il-ftehim żewġ enitajiet ingħaqdu flimkien fil-vjaġġ li l-pajjiż irid jagħmel lejn il-qalba diġitali li jmiss.
Qal, “Dan il-ftehim jirrigwardja proprju dan is-settur tad-diġitali, speċjalment fejn jidħol ir-riċerka u l-innovazzjoni, għadna żewġ entitajiet tal-Gvern fejn se jaqsmu l-konoxxenza tagħhom, kif ukoll l-expertise tagħhom biex b hekk se nkunu, fl-aħħar mill-aħħar, noffru esperjenza aħjar liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.”