F’Għawdex se jissaħħu s-servizzi għall-anzjani u dawk l-aktar fil-bżonn, hekk kif intlaħaq ftehim bejn l-Għaqda Ħbieb tal-Morda u l-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità biex ikunu jistgħu jisselfu apparat li jgħinhom fil-ħajja ta’ kuljum.
Fost l-apparat li jiġi offrut b’self bla ħlas hemm sodod, krozzi, wheelchairs u lifters.
Il-President tal-għaqda tal-Anzjani f’Għawdex spjega kemm huwa importanti dan il-ftehim għall-anzjani.
Qal kif, “Kemm jista’ jkun dawn jinżammu fi djarhom u jevitaw li jiġu istitutizzjonali u hekk ikunu jistgħu jgħaddu l-aħħar snin ta’ ħajjithom ikkurati mill-ħbieb u familjari u ma jiħdux ix-xokk biex imorru f’xi istituzzjoni.”
Il-Ministru għall-Anzjani u Anzjanità Attiva Michael Farrugia spjega kif għaddejja ħidma biex f’Malta jitwaqqaf ċentru simili għall-anzjani Maltin.
Spjega, “Dan huwa l-mod kif irridu nkomplu nsaħħu s-servizzi fil-komunità u min-naħa tad-dipartiment tal-anzjanità attiva u kura fil-komunità li taw il-lok min fejn topera din il-fondazzjoni.”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li l-Ministeru se jkun qed jagħti għajnuna finanzjarja kull sena lill-għaqda biex ikunu jistgħu jixtru l-apparat neċessarju.
Qal, “Dan il-Gvern se jibqa’ kommess li jgħin lil din il-Fondazzjoni biex tibqa’ toffri firxa ta’ servizzi għall-anzjani li għandna fil-komunità.”