Ġie iffirmat ftehim bejn il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti u l-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli li permezz tiegħu, l-FKNK se tingħata għajnuna ta’ erbatax-il elf ewro li se jintużaw biex isaħħu l-konservazzjoni u s-sostenn tal-popolazzjoni tal-gamiem.
Dan il-ftehim imur lura għall-elfejn u sbatax, meta bejn iż-żewġ naħat nibet proġett li ffoka fuq tagħmir għall-gamiem biex din l-ispeċi tkun rilaxxata fis-selvaġġ.
L-uffiċjal tar-Relazzjonijiet Pubbliċi Lucas Micallef spjega li l-FKNK se tkun tista’ tagħmel moniteraġġ tal-passa ta’ din l-ispeċi.
Qal kif, “L-MOU tal-lum se jiżgura futur xieraq għal kaċċaturi u nassaba Maltin li fl-aħħar mill-aħħar huwa t-tradizzjoni tagħna u l-Kultura hija l-kaċċa tal-gamiem fir-rebbiegħa. B’hekk ħa nassiguraw li dan ħa jkun pass importanti li ħa nużaw ix-xjenza fejn se tgħinna fir-riċerka biex eventwalment inkunu nistgħu napplikaw deroga b’saħħitha għall-kaċċa u l-insib fir-rebbiegħa.”
Il-Ministru Silvio Schembri ħeġġeġ lill-Federazzjoni biex tkompli tipparteċipa f’aktar riċerka ta’ dan it-tip, li tkun ta’ benefiċċju għal dawk kollha li jipprattikaw dan id-delizzju.
Qal, “Dan huwa proġett li bdejna fl-elfejn u sbatax fejn dak iż-żmien fin-nuqqas ta’ data wkoll li għandna bħala pajjiż, ridna naraw kif bħala pajjiż ngħinu lill-FKNK forsi tagħmel il-ħidma tagħha hawnhekk ukoll fuq livell professjonali.”