B’daqqa ta’ pinna ġie ffirmat ftehim bejn il-Kunsill Malti Għall-Arti u l-Malta Enterprise li permezz tiegħu se tkompli tibbenefika l-industrija tal-kultura u l-kreattività f’Malta u f’Għawdex.
Dan il-ftehim sar f’konferenza tal-aħbarjiet bit-tema, Insaħħu lill-Ħaddiem, u jixhed l-impenn tal-Gvern biex ikompli jinvesti fil-ħaddiema, filwaqt li jissalvagwardja lill-intrapriżi billi joħloq opportunitajiet ġodda għat-tkabbir.
Dan il-ftehim se jgħin lill-artisti b’taħriġ professjonali kontinwu u se jiffaċilita l-kuntatti bejn il-partijiet interessati.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia spjega li b’dan il-ftehim, is-settur qed jiġi rikonoxxut bħala pilastru intraprenditorjali b’saħħtu, li b’sinerġija mat-teknoloġija, jista’ jkun verament innovattiv.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall saħaq li sħubija ġdida bħal din hija kruċjali biex tistimula t-tkabbir.
Il-Ministru għall-Arti, Josè Herrera qal li dan il-ftehim huwa importanti għall-artisti biex jiżviluppaw il-karriera tagħhom.
Qal, “Dan huwa MOU li l-iskop tiegħu huwa li ninvestu fil-ħaddiema ta’ dan is-settur kulturali u kreattiv. Dan is-settur huwa importanti ħafna għal min ma jafx għas-settur ekonomiku għax iħaddem fih, b’mod dirett madwar tnax-il elf persuna, u b’mod indirett part-time eluf ta’ nies oħra.”
Il-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli saħqet li permezz ta’ dan il-ftehim, il-Gvern qiegħed jimpenja ruħu biex jisfrutta l-potenzjal tal-artisti.
Qalet, “Nemmnu li l-artisti f’pajjiżna għandhom il-potenzjal li jkunu imprendituri. Allura rridu naċċertaw ruħna li ngħinu u nagħtu appoġġ dak is-sens impredentorjali.F il-fatt permezz ta’ dan il-ftehim tal-lum jista’ jwassal biex jingħata status legali aktar b’saħħtu lejn pajjiżna.”