Jekk il-ħaddiema jħossuhom apprezzati, jaħdmu b’aktar dedikazzjoni fuq il-post tax-xogħol u jgawdu dawk li jieħdu s-servizz.
Dan kien is-sentiment li qasmu magħna żewġ ħaddiema fl-Awtorità tal-Artijiet, li tkellimna magħhom dwar il-ftehim kollettiv li ġie ffirmat lejn tmiem ix-xahar li għadda, li minnu se jgawdu sebgħin ħaddiem.
Maxilene Bonett hija Senior Manager fl-Uffiċċju Legali u Josette Abela għandha l-istess kariga fl-uffiċċju li jieħu ħsieb il-kuntratti.
It-tnejn jemmnu li dan il-ftehim, li kien ilu mistenni mill-ħaddiema, huwa kruċjali għal diversi raġunijiet.
Fost l-oħrajn, il-ħaddiema fl-Awtorità se jgawdu minn żidiet fil-pagi, titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u miżuri li jilħqu bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja.
Maxilene rrimarkat li b’dan il-ftehim, il-ħaddiema jħossuhom apprezzati aktar u jaħdmu b’iktar impenn.
Qalet, “Iċ-ċentru għandu jkun dejjem il-ħaddiem għax inti meta l-ħaddiem ikun kuntent, dejjem ħa jagħti aktar. Din f’kollox, imma din rajniha, meta aħna qegħdin naħdmu u nafu li qed niġu vvalutati, inti l-performance tiegħek mingħajr ma trid, tgħid ħa nagħti iktar, ħa nipprova naħdem aħjar.”
Josette żiedet li dan kollu jissarraf f’servizz aħjar lill-klijenti.
Spjegat, “Il-klijenti tagħna huma l-aktar ħaġa importanti li għandna. Aħna naqduhom kemm nistgħu, dejjem nisimgħuhom u ngħinuhom għax huma meta jiġu hawn mhux dejjem ikunu jafu eżatt f’liema sections iridu jmorru jew fl-istadju li wasal il-każ tagħhom jiġifieri aħna dejjem huma jiġu l-ewwel għall-Awtorità u naħseb jekk il-performance tagħna titjieb, in-nies se jgawdu minn dawn l-affarijiet ukoll.”