Il-Gvern kiseb il-ħamsin miljun ewro għall-proġett ta’ housing soċjali imħabbar fl-aħħar baġit.
Dan permezz ta ftehim mal-Bank għall-Investiment Ewropew. Ftehim li wassal biex pajjiżna jikseb ukoll ħamsa u sebgħin miljun ewro oħra f’fondi li se jissarfu fi proġetti oħra.
Fiż-żewġ każi s-self qed isir b’rata ta’ imgħax baxxi u l-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna, qal li hekk il-Gvern jista’ jkompli jaħdem biex iwettaq proġett f’qasam li amministrazzjoni preċedenti tagħtu l-ġenb.
Il-President tal-Bank għall-Investiment Ewropew, Werner Hoye, qal li mhix daqsekk faċli li l-bank jiffaċilita ammont kbir ta’ flus. Kien l-andament ekonomiku ta’ pajjiżna li għamel id-deċiżjoni tal-bank iżjed faċli.
Hoyer innota li l-prezenza tal-bank f’pajjiżna hi ikbar mill-medja ewropea. Esprima s-sodisfazzjon għall-fatt li b’ fondi minn dan il-bank twettqu u qed jitwettqu proġetti varji.
Fuq kollox żied jgħid li huwa kuntent bil-mod kif pajjiżna huwa preparat għal meta jieħu f’idejh il-Presidenza Ewropea.