Permezz ta’ ftehim bejn id-Dipartiment tal-Kura fil-Komunità u Teatru Malta, l-anzjani issa se jkollhom ċans jiżviluppaw it-talenti teatrali tagħhom.
Fl-iffirmar ta’ dan il-ftehim, ġie spjegat kif huwa mmirat biex iżomm l-anzjani attivi billi jiżviluppaw talenti li forsi qatt ma setgħu jiżviluppaw meta kienu iżgħar.
Il-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Kura fil-Komunità, Renzo De Gabriele spjega kif dan il-ftehim se jwassal ukoll għal produzzjoni mtella’ mill-anzjani.
Qal, “Jiltaqgħu ma’ atturi professjonisti u tutors professjonisti fil-qasam tad-drama, biex ikunu jistgħu jgħallmuhom kif jistgħu jinteraġixxu fit-teatru, kant, żfin, ikun hemm anke reċtar u fl-aħħar anke jiġi preżentat produzzjoni magħmul mill-anzjani stess.”
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Michael Farrugia stqarr kif dan il-ftehim juri l-impenn tal-Gvern sabiex l-anzjani dejjem jibqgħu attivi.
Qal, “Din se tagħtihom opportunità li jitgħalmu jipparteċipaw fid-drama, jipparteċipaw anke fit-teatru, u anke tagħti opportunità lil dawk li jafu jkantaw jew inkella jdoqqu xi strument, li dawn ukoll jipparteċipaw u tagħtihom opportunità li jimirhu fil-qasam tat-teatru.”
Intant, il-Ministru għall-Kultura, José Herrera stqarr kif dan il-ftehim iwessa’ d-drittijiet kulturali tal-anzjani. Huwa nnota wkoll kif il-Gvern jemmen bil-fatti li l-kultura huwa dritt li jżomm il-moħħ ħaj u attiv.
Qal, “F’Malta, bħall pajjiżi kollha Ewropej, jekk mhux fid-dinja, il-maġġoranza tan-nies illum huma anzjani, u aktar ma jgħaddi żmien aktar se jkollna anzjani. Allura sar indispensabbli li l-Gvern ikollu politika u viżjoni biex iżomm l-anzjani tagħna attivi, kemm għall-ġid tal-pajjiż, kif ukoll għall-kwalità tal-ħajja tal-istess anzjani tagħna.”