Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Grupp ta’ Azzjoni Lokali Majjistral iffirmaw disa’ ftehimiet li se jaraw it-tnedija ta’ proġetti li se jsiru f’diversi kulleġġi fil-Majjistral ta’ Malta.
L-għan aħħari ta’ dawn il-proġetti se jkun li jmexxu l-aġenda l-ħadra fl-iskejjel.
Fil-fatt, il-proġetti jvarjaw minn żoni rikreattivi ħodor u tħaddir tal-ambjenti fl-iskejjel, għal tisħiħ fl-edukazzjoni agrarja sostenibbli u ġonna vertikali.
B’hekk se jkunu l-Iskola Primarja tal-Baħrija, in-Naxxar Induction Hub, l-Iskola Primarja tal-Mellieħa, iż-żewġ Skejjel Sekondarji tal-Mosta, l-Iskola Medja tan-Naxxar, l-Iskola Primarja tal-Imġarr, l-Iskola Primarja tas-Siġġiewi u l-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar li se jibbenefikaw minn dawn il-proġetti.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li dawn il-proġetti tressqu ’l quddiem mit-tmexxija tal-kulleġġi biex ikomplu Jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli filwaqt li huma wkoll proġetti ambjentalment importanti għall-iskejjel.
“Qed ukoll naraw kif nagħtu l-importanza li jistħoqqilha din l-aġenda anke fl-iskejjel tagħna fost l-istudenti tagħna u wkoll jkollna dawn it-tip ta’ proġetti fl-iskejjel tagħna.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi rrimarka dan l-investiment li qed jiġi ffinanzjat minn fondi ewropej u li b’kollox jinvolvi €100,000.
“Numru ta’ skejjel qed jibbenefikaw minn fondi tal-Unjoni Ewropea bis-saħħa tal-programm Leader. Dawn l-iskejjel se jkunu qed jagħmlu proġetti biex isebbħu l-iskejjel , iħaddru l-ambjent aktar f’dik l-iskola u kif ukoll iqarrbu lit-tfal lejn in-natura.”
Is-Sur Eman Vella tkellem dwar kif il-Grupp ta’ Azzjoni Lokali Majjistral qed jidħol fl-iskejjel fir-reġjun tal-Majjistral bi proġetti li jinvolvu l-istudenti b’opportunità li jitgħallmu, jaħdmu u jilgħabu f’ambjent fejn ikun hemm in-natura magħhom.
“Għalina sodisfazzjon kbir biex it-tfal u wliedna li huma l-ġenerazzjoni futura jibbenefikaw minn proġetti fl-iskejjel tagħhom biex jifhmu aktar l-ambjent kif għandhom jieħdu ħsiebu u kif għandhom itejbu issues bħalma hi t-tibdil fil-klima.”