Permezz ta’ ftehim li ġie ffirmat bejn il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija l-MCST u l-Ministeru għall-Edukazzjoni, studenti tal-primarja sa anke ċkejknin tal-kindergarten se jkunu qed jieħdu sehem fi programm organizzat mill-Esplora.
Dan se jkun estensjoni tat-tagħlim li jingħata fl-iskejjel iżda f’ambjent informali.
Hekk saħaq iċ-Chairman tal-MCST Jeffrey Pullicino Orlando: “Dan il-ftehim huwa sinikattiv ħafna, ħa joffri l-opportunità lil kull tifel u tifla, żagħżugħ u żagħżugħa li jiġu jżuru l-Esplora u t-trasport ikun provdut b’xejn. Il-fatt illi l-aċċessibilità ta’ dan iċ-ċentru tax-xejnza allura ħa jkun allura ffaċilitat, jagħti aktar lok biex iż-żjarat ikomplu bla problemi.”
Il-programm, li parti minnu se jsir online, huwa maħdum fuq erba’ prinċipji ta’ komunikazzjoni, tsgħlim tal-ħsieb kritiku, il-kreattività u l-kollaborazzjoni.
Il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici tenna fl-aħħar xhur iltaqa’ ma’ numru ta’ xjentisti li kellhom xi ħaġa komuni, li l-kurżità waslithom biex jesploraw għal soluzzjonijiet xjentifiċi. Għalhekk, l-istess se jagħmel dan il-programm li jqanqal kurżità fost studenti żgħar.
Huwa qal, “Ix-xjenza mhix biss suġġett akkademiku, li għal ħafna nies huwa diffiċli, imma hija ċ-ċavetta biex noħolqu s-soluzzjonijiet fejn jidħlu mard, trattamenti ġodda, fejn jidħlu ideat ġodda ta’ negozji li joħolqu postijiet tax-xogħol fejn jidħol il-bażi tal-futur tal-ekonomija ta’ pajjiżna, u aħna rridu li dak it-talent nindukrawh.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Justyne Caruana, qalet li aktar ma jkun hawn kollaborazzjonijiet bħal dawn, aktar jintlaħqu miri edukattivi b’mod speċjali f’metodi ġodda ta’ tagħlim.