“Il-ftehim settorjali għall-Forzi Armati ta’ Malta jkompli jinċentiva lis-suldati li jkomplu jitħarrġu u li jfittxu li jtejbu l-grad tagħhom.” Hekk stqarr il-Brigadier tal-Armata, Jeffrey Curmi li spjega kif l-inċentivi li hemm fil-ftehim settorjali huma mmirati b’ċertu reqqa sabiex dan il-ftehim mhux biss ikun ifisser titjib fil-kundizzjonijiet tas-suldati iżda wkoll investiment dirett fil-kwalità tas-servizz li jsir mill-Armata.
Stqarr ukoll li żdiedu l-allowances ta’ dawk is-suldati li l-kundizzjonijiet minħabba n-natura tax-xogħol huma diffiċli. Hawnhekk ġab l-eżempju b’dawk is-suldati li jaħdmu fuq il-baħar fuq il-bastimenti l-kbar tal-armata.
Il-Brigadier Jeffrey Curmi qal: “Dawn ħafna drabi dejjem stand by 24/7 biex xħin inċemplulhom jidħlu sagħtejn notice to move biex jitilqu jbaħħru u Alla jaf meta jerġgħu jidħlu lura. Mhux kulħadd jiġu pjaċir li dan ma jistax jippjana mal-familja tiegħu. Allura b’dan il-pakkett inċentivajna illi filwaqt li għollejna l-allowances ta’ kulħadd b’mod kbir, dawn in-nies li forsi m’għandhomx shift stabilit, li dawn jaf jidħlu llum u joħorġu 24 hours wara, dawn in-nies li m’għandhomx dawn il-ħinijiet, ħa nkunu qed ninċentivawhom b’żieda iktar għolja minn ta’ ħaddieħor biex nattiraw iktar nies u ninċentivawhom biex jaħdmu dak ix-xogħol.”
Permezz ta’ dan il-ftehim il-Gvern ser ikun qed jinvesti €8.2 miljun aktar fis-sena fis-salarji tas-suldati. B’kollox ser jibbenefikaw minn dan il-pakkett madwar 1,750 suldat tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Dan filwaqt li issa ser ikunu kkumpensati s-suldati kollha li jaħdmu ’l fuq minn 40 siegħa fil-ġimgħa. Is-suldati kollha se jkunu qed jaraw żieda sostanzjali fl-allowances li jeżistu fil-Forzi Armati u li jirrikonoxxu ċertu speċjalizzazzjoni.
Dan il-ftehim huwa frott negozjati bejn il-Gvern u l-General Worker’s Union. Dan wara li Gvern Laburista kien ta d-dritt lis-suldati li jissieħbu f’union tal-għażla tagħhom.
Theo Vella mit-Taqsima Forzi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u tal-Infurzar tal-Liġi tal-General Workers’ Union spjega kif dan id-dritt kien fundamentali sabiex seta’ jkun imfassal u ffirmat dan il-ftehim.
Huwa stqarr: “Din il-liġi li kien daħħal il-Gvern fl-2015 u minnufih il-ħaddiema bdew jorganizzaw ruħhom u dan wara li organizzajna ruħna, għamilna proposti li nafu li kellna prinċipji tajbin warajhom u llum il-ġurnata vera wara ħames snin, imma qed naraw il-frott ta’ dik id-deċiżjoni politika li kienet ittieħdet dakinhar.”