Ftehim bejn il-Ministeru għall-Ekonomija u l-Fondazzjoni għall-Promozzjoni ta’ Inizjattivi Intraprenditorjali, se jinkoraġixxi l-iżvilupp ta’ ideat ġodda minn imprendituri prospettivi.
Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li dan il-ftehim se jwassal biex kumpaniji ġodda jgawdu minn pjattaformi diġitali li jgħinuhom jibdew.
Matthew Caruana mill-Fondazzjoni ZAAR tkellem dwar is-suċċess miksub permezz tal-pjattaforma ta’ crowdfunding, li matul l-elfejn u għoxrin irnexxielha tikseb rata ġenerali ta’ suċċess f’finanzjament ta’ tnejn u tmenin fil-mija.
Dan wassal għal sitta u għoxrin proġett ġdid fis-suq.
Qal, “Aħna bħala ZAAR kif immexxu l-pjattaforma tal-crowdfunding, noffru wkoll għajnuna biex l-istartups jew min għandu idea, xi proġett nindikawlu minfejn l-aħjar jibda, nippjanaw ukoll xi tip ta’ budgeting u forecasting. Nifħulu ftit bibien ukoll min-network tagħna li jkollna. Jiġifieri ngħinu mhux just mhux kemm jagħmel kampanja jew jiġbor il-flus.”
Il-Ministru Silvio Schembri qal li miexi x-xogħol biex jinħareġ it-tender ħalli jiskatta x-xogħol fuq il-Kordin Incubation Centre.
Spjega, “Fil-fatt issa wasal fl-aħħar stadji sabiex ikun jista’ jinħareġ it-tender ħalli jibda wkoll issa l-bini u r-rinovar tal-Incubation Centre, bi proġett li jilħaq it-€13-il miljun u imbagħad eventwalment ikollna ċentru ieħor ġewwa pajjiżna fejn nistgħu niġbru l-attività imprenditorjali partikolari ta’ startups lokali kif ukoll internazzjonali, li jkunu jridu joperaw minn pajjiżna.”