Koperattiva Malta, il-Federazzjoni Koperattiva Maltija u l-Fond Ċentrali tal-Koperattivi, flimkien mal-Gvern Malti nedew ftehim ġdid li se jiffaċilità l-futur tal-koperattivi Maltin f’qasam ta’ importanza kbira f’pajjiżna.
Fil-fatt dan il-ftehim ser jagħti lura 70% tal-kontribuzzjonijiet li kienu mħallsa miż-żewġ koperattivi sa mill-2012.
F’konferenza tal-aħbarijiet li preżenti għaliha kien hemm il-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli u l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri, ġie spjegat kif dan il-ftehim se jiffaċilità t-triq ‘il quddiem, filwaqt li jtemm l-inġustizzji tal-passat.
Dan hekk kif il-Fond Ġenerali tal-Gvern għadda ‘il fuq minn sitt mija u għoxrin elf ewro bħala kumpens għal nuqqas ta’ finanzjament filwaqt li Koperattivi Maltin ingħatat is-somma ta’ mija u erbgħin elf ewro bħala kumpens għal talbiet passati.
Iċ-Chairman tal-Fond Ċentrali tal-Koperattivi, Dr Luke Dalli stqarr li dan il-ftehim ifisser mitqlu deheb għal koperattivi li ilhom disa’ snin ta’ diskussjonijiet bejn iż-żewġ assoċjazzjonijiet tal-koperattivi u l-Fond Ċentrali.
“Aħna bħala l-fond ċentrali kommessi li nagħmlu kemm jista’ jkun xogħol u naħdmu biex kemm jista’ jkun nagħtu daqqa t’id lill-assoċjazzjonijiet tal-koperattivi u kif ukoll mhux dawn li hemm illum però wkoll inħeġġu li dawk kollha li jixtiequ jidħlu fid-dinja koperattiva jagħmlu dan il-pass għaliex aħna, iktar ma jkun hemm nies involuti f’dan is-settur, iktar nieħdu gost u l-fondi li hemm jinqasmu ugwalment ma’ dawk kollha li jixtiequ jinvolvu ruħhom.”
Il-Ministru Silvio Schembri stqarr li dan huwa bidu ta’ paġna ġdida f’dan il-qasam hekk kif se joffri finanzjament li se jgħin il-ħidma tal-koperattivi bil-għan li l-membri jgawdu minn servizz aħjar.
Dan filwaqt li l-Ministru Miriam Dalli sostniet li dan il-ftehim se jiżgura l-governanza t-tajba ta’ dawn il-fondi biex il-koperattivi jkomplu jaqdu l-irwol tant importanti li jħaddnu fis-soċjetà tagħna.