Il-ftehim bejn il-Gvern u l-operatur tat-Terminals tal-Port Ħieles wassal biex tiġi rrinunzjata l-ħidma bil-krejnijiet, magħrufa bħala quay cranes li jħottu l-kontejners, f’Terminal One li tinsab l-aktar qrib ir-residenzi.
Dan hekk kif mill-2004, il-Port Ħieles kellu l-permess, li f’każ ta’ espansjoni, jaħdem aktar ’il ġewwa lejn ir-residenti.
Qal, “Il-Contractual agreement li kien sar fl-2004, l-operatur privat kellu d-dritt li jopera bil-quay cranes minn fuq din iż-żona ta’ Terminal 1. Kif wieħed jista’ jara hawn ir-rails hawnhekk u kellu kull dritt esklussiv li seta’ jagħmel quay cranes.”
Għalhekk dak li ħabbar il-Prim Ministru t-Tnejn, permezz tal-ftehim ġdid mal-Gvern se jkun qed ifisser serħan il-moħħ għar-residenti Birżebbuġin li l-krejnijiet ma jistgħux jaħdmu l-aktar viċin ir-residenzi.
B’hekk se jiġi żgurat li hemm żona li tilqa’ bejn il-Port Ħieles u Birżebbuġa, li bil-ftehim tal-2004 kienet mhedda u issa mhix se tiċkien.
Dan filwaqt li hemm qbil illi l-vapuri magħrufa bħala RoRos ma jibqgħux jaħdmu f’ħinijiet ta’ mistrieħ.
Intant, is-Sindku ta’ Birżebbuġa Scott Camilleri tenna dwar l-importanza ta’ dan il-ftehim, li flimkien ma’ proġetti oħra li qed isiru fil-port, se jkunu qed isarrfu għajxin aħjar għall-Birżebbuġin.
Qal, “Irridu naraw li dan il-proġett fost ukoll il-proġett tax-shore-to-ship ser jgħinnu biex itejbu l-kwalità tal-arja, tal-ambjent fil-lokalità tagħna kif ukoll inaqqas l-inkonvenjent tal-istorbju għar-residenti tagħna. Dan huwa parti minn kullana ta’ proġetti ta’ pjan ta’ rkupru mill-Partit Laburista sabiex il-lokalità tagħna tirriġenera ruħha u tkun terġa’ waħda kompettitiva li tipprovdi kwalità aħjar għar-residenti ta’ Birżebbuġa.”