It-Tlieta waranofsinhar ġew iffirmati żewġ ftehimiet li permezz tagħhom se jiskatta x-xogħol fuq il-proġett taċ-Ċentru Nazzjonali tal-Motorsport f’Ħal Far.
Dan se jsir b’investiment ta’ madwar €20 miljun.
Il-ftehimiet saru bejn bejn il-Fond Soċjali u għall-Iżvilupp Nazzjonali, l-NDSF, SportMalta u l-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport.
Dan il-proġett, li kien tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela, se jkun qed jara l-bini tat-trakka tal-karozzi fuq art fiż-żona ta’ żvilupp f’Ħal Far kif ukoll jitranġaw il-faċilitajiet eżistenti tad-drag racing u l-karting.
Flimkien ma’ dawn il-proġetti se jsiru wkoll lqugħ għall-ħsejjes biex ma jkunx hemm inkonvinjent fuq ir-residenti tal-madwar.
Il-Ministru għall-Isport Clifton Grima saħaq li permezz ta’ ħidma kollettiva fil-Gvern se titwettaq miżura oħra tal-manifest u għalhekk ifisser li jkunu twettqu 95% tal-proposti sportivi mwiegħda fl-2017.
“Ma kienx ikun possibbli li kieku ma kienx hemm id-direzzjoni tal-Prim Ministru, il-ħidma kollettiva tal-Kabinett u fuq kollox li ħdimna b’għaqal sabiex nirrispettaw dawk kollha li b’xi mod jew ieħor għandhom x’jaqsmu ma’ dan l-isport.”
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat semma l-importanza tal-NDSF.
“Qed insejjaħlu investiment għaliex għal kull ewro li ħa nkunu qed ninvestu, l-ekonomija tagħna ħa tiġġener aktar minn dak l-ewro li nkunu investejna, ġifieri biex tara kemm hemm sport li diġà qed jiġġenera attività ekonomika f’pajjiżna.”
Il-President tal-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport Duncan Micallef tenna li din il-ħolma li ilha snin qed issir realtà.
“Aħna qegħdin hawn nirrappreżentaw lilkom, afdaw fina qed napprovawlkom li dawn l-affarijiet mixjin, huma parti mill-proċess qabel ma jibdew ix-xogħol. Ovvjament, it-target tagħna li f’Lulju/Awwissu ta’ din is-sena, kif il-permessi jkunu in-hand ħa jibdew ix-xogħlijiet. Li dawn ħa jkunu qed jaraw. Però jien nista’ nassigurahom, nieħu l-full responsability li min-naħa tal-Gvern dejjem sibt appoġġ f’din l-aħħar sena, ħdimna sew flimkien u sar ħafna xogħol li hemm barra għadu ma jidhirx.”