Ġie ffirmat ftehim bejn il-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali (FSWS) u l-UĦM. B’dan il-ftehim se jkun qed jassigura iktar ħarsien u appoġġ lil settur delikat, li jimpjega u jiddependi fuq tant professjonisti, li ta’ kuljum jiltaqgħu ma’ każijiet soċjali diffiċli.
Dan il-ftehim ġie ssiġillat, il-Ġimgħa filgħodu fil-preżenza tal-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon.
Il-ftehim wassal għall-introduzzjoni tal-FSWS allowance għall-professjonisti kollha warranted fi ħdan l-FSWS, liema allowance se tlaħħaq l-€1,500 fis-sena. Intlaqgħet ukoll it-talba tal-UĦM biex tiġi introdotta il-‘Continuous Professional Development Allowance’ li se tibda tingħata minn din is-sena u se tkun ta’ €700 fis-sena.
Minbarra żidiet fil-pagi, se jkunu qed jinħolqu career paths għal professjonisti, li se jkomplu jtejbu l-livell u l-ħiliet tagħhom.
Il-Ministru Michael Falzon iddeskriva dan il-ftehim bħala wieħed li minnu huwa rebbieħ kullħadd, se jgawdu l-impjegati kollha, u dan jassigura li jkunu attirati u impjegati l-aħjar professjonisti fil-qasam tal-ħarsien u solidarjetà soċjali.
Il-Ministru Micahel Falzon ikkonkluda u qal li l-gvern irid li l-FSWS tkun il-model employer u l-aqwa employer f’dan il-qasam u dan, fl-aħħar minn l-aħħar, fl-aħjar interess tat-13,000 klijent li jużaw is-servizzi tal-FSWS kull sena.