Ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid li jara li jiġu msaħħa l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pakkett finanzjarju tal-ħaddiema tal-amministrazzjoni, tekniċi u industrijali tal-Università ta’ Malta.
Il-ftehim, li minnhu se jkun qed jgawdu 940 impjegat, jintroduċi miżuri li flimkien jaraw mhux biss żidiet li jirriflettu r-realtajiet tal-lum il-ġurnata, imma anki jsaħħaħ l-opportunitajiet għal progress fil-karriera ta’ dawn il-ħaddiema.
Il-ftehim, li jkopri l-perjodu sa tmiem l-2027, kien iffirmat mill-President tal-Kunsill tal-Università l-Perit Karmenu Vella, mill-Professur Alfred J. Vella, Rettur tal-Università u Josef Vella, Isabelle Farrugia, Noel Caruana u Nathalie Cauchi għan-nom tal-Union Ħaddiema Magħqudin.
Waqt li ppreseda dan il-kuntratt, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima spjega li l-iffirmar ta dan il-ftehim kollettiv juri l-impenn li għandu l-Gvern li jinvesti fl-aqwa riżorsi li għandu pajjiżna, dak tar-riżors uman.
Il-Professur Alfred J. Vella, Rettur tal-Università, saħaq li mingħajr appoġġ amministrattiv, istituzzjoni bħall-Università ma tistax tiffunzjona sewwa.
“Sodisfatti li wasalna sa dan il-punt, fejn iffirmajna l-collective agreement tal-istaff amministrattiv tal-Universita. Importanti li fl-Università kulħadd li huwa impjegat ikunu qed jaħdmu f’ambjent akkoljenti u li jagħtihom sodisfazzjon kollhu ta’ xogħol.”
Alfred J.Vella – Rettur tal-Università