Mis-sena d-dieħa, kull ħaddiem tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili se jkun qed jiżdied minn tal-inqas elf ewro fil-paga bażika tiegħu filwaqt li se jitla’ grad fl-iskali. Dan huwa meqjus bħala pass importanti u li se jħalli effetti pożittivi fuq il-pensjoni tal-ħaddiema meta jirtiraw bis-servizz.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri waqt l-iffirmar tal-ewwel ftehim kollettiv fi 22 sena għall-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li minnu se jibbenefikaw 252 ħaddiem.
Id-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila fisser dan il-ftehim bħala kapitlu storiku magħluq.
Huwa spjega: “Il-ħaddiema wara 22 sena setgħu jieħdu dak illi kien ħaqqhom. Dan immorru lura għoxrin sena fejn konna ppreżentajna erba’ punti illi kienu: pensjoni tas-servizz; trade union; insurance u ftehim kolletti. Illum il-ġurnata nistgħu ngħidu li dan il-punt huwa magħluq għaliex l-erba’ punti huma milħuqa.”
Il-Ministru Camilleri qal li fost benefiċċji oħra għall-ħaddiema hemm li mis-sena d-dieħla, n-numru ta’ sigħat ta’ ħidma se jinżel min 46 siegħa għal 40 siegħa fil-ġimgħa. Dan prinċipju li l-gvern beda jaddotta bil-ftehim kollettiv tal-pulizija u issa qed jintroduċih f’dan il-korp dixxiplinat ukoll.
Huwa stqarr: “Bħala Gvern inħossu li m’għandniex ngħidu biss prosit u grazzi lill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili meta jidħlu fin-nar għalina, jew inkella meta jirriskjaw ħajjithom għalina, u nħossu li l-aħjar mod kif nirringrazzjawhom tax-xogħol tagħhom hija billi nagħtuhom kundizzjonijiet aħjar, billi nagħtuhom drittijiet aħjar. U dan huwa dak li qegħdin nagħmlu llum mal-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili.”
Apparti l-ftehim kollettiv ġdid, se tiġi implimentata wkoll miżura tal-extra duty – li huwa differenti minn overtime – li se tibda tkun intaxxata bi 15%, dan ifisser li se titneħħa anomalija li kien hemm ma’ forzi dixxiplinati oħra.