Ġie ffirmat Ftehim Kollettiv ġdid bejn EVOS Malta u t-Taqsima Marittima u Avjazzjoni tal-General Workers’ Union. Dan il-ftehim Kollettiv li se jara titjieb fl-allowances tal-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fost oħrajn.
Is-Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni Sandro Vella rringrazzja lil kulħadd għall-ħidma li saret biex isir dan in-negozjar li se jagħti l-frott tiegħu f’din il-kumpanija internazzjonali tal-ħażna tal-enerġija li toffri servizzi eċċellenti u vantaġġi kompetittivi lill-klijenti tagħha. Huwa semma’ ukoll kif dan il-Ftehim Kollettiv se jgħin ħafna lill-ħaddiema biex ikollhom ħajja aktar bilanċjata – work life balance, u fl-istess ħin il-kumpanija jkollha moħħha mistrieħ li xorta waħda tibqa’ toffri l-aqwa servizz.
Tenna li jinsab kuntent ħafna għax b’għaqal kbir qed jaraw progress sostenibbli f’dinja tax-xogħol li dejjem qed tinbidel, u din hija sfida kontinwa li trid tiġi indirizzata b’għaqal u b’ħidma serja u kontinwa, filwaqt li rringrazzja lis-Segretarju tat-Taqsima Żgħażagħ GWU, Jurgen Azzopardi, li qed ikun ta’ għajnuna fit-Taqsima kif ukoll lil Zach Grixti bħala Shop Steward u Joseph John Zammit, Jason Saliba u Michael Tabone bħala membri.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ EVOS Malta Sonke Stein kompla jisħaq li bl-iffirmar ta’ dan il-Ftehim Kollettiv għall-impjegati operattivi ta’ EVOS Malta, l-impjegati u l-GWU qed igawdu minn relazzjoni industrijali tajba u kostruttiva, li kkontribwiet għal riżultat ta’ benefiċċju għall-partijiet kollha involuti.