Fil-bidu ta’ ġimgħa ġdida, fl-Università l-Antika fil-Belt Valletta, ġie ssiġillat ftehim kollettiv ġdid għal madwar elf ħaddiem tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, l-FSWS, li mhux biss se jsaħħaħ il-kundizzjonijiet ta’ dawn il-ħaddiema, imma se jagħtihom ukoll żidiet ġusti li jirriflettu r-realtajiet tal-lum.
Fl-istess waqt, dan il-ftehim se jsaħħaħ il-progress fil-karriera ta’ dawn il-ħaddiema, b’titjib fit-taħriġ u l-iżvilupp personali tal-ħaddiema kollha tal-entità governattiva.
Qabel ġie ffirmat dan il-ftehim, tkellem il-Prim Ministru Robert Abela li, fil-preżenza ta’ bosta ħaddiema tal-FSWS, innota kif il-ftehim jirrikonoxxi l-ġid li jagħmlu b’dedikazzjoni f’xogħolhom u mal-klijenti tagħhom.
“Bħala avukat li, fil-professjoni mmilitajt ħafna u ħdimt ħafna fil-Qorti tal-Familja, nifhem iċ-ċirkostanzi diffiċli li ta’ sikwit, jekk mhux ta’ kuljum, tgħaddu minnhom u hemmhekk li tidħol l-imħabba, l-għerf tal-ħaddiema, l-għaqal li taf tanalizza s-sensittività tas-sitwazzjoni, u dan imbagħad biex tkun tista’ twennes u toffri s-soluzzjonijiet.”
Dr Abela saħaq li dan mhux ftehim kollettiv iżolat u fakkar kif fl-aħħar snin ġew issiġillati ftehimiet kollettivi u settorjali importanti li jagħtu l-aqwa ħarsien u għodda lill-ħaddiema.
Tkellem ukoll il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, li qal li dan il-ftehim ikompli jsaħħaħ il-progress tal-karriera f’din il-professjoni tant importanti għal pajjiżna.
“Qed naraw vot li jlaħħaq il-ħamsa u tletin miljun effettivament u qed nitkellmu fuq elf ħaddiem, elf familja, dawn huma nies li jagħmlu ħafna u ħafna ġid fis-soċjetà, ħafna minnu x-xogħol ma jidhirx, imma huma dawk in-nies li jkunu hemm meta l-persuna tkun fil-bżonn.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, saħaq li f’dawn it-tip ta’ negozjati mhix kwistjoni ta’ min jirbaħ u min jitlef, imma jrid jirbaħ kulħadd.
Fakkar li l-FSWS tieħu ħsieb aktar minn tlieta u għoxrin persuna vulnerabbli kull sena, li jiġu mgħejjuna kuljum u f’kull ħin.
“Ma ngħidx li saret ġustizzja, għax ma kienx hemm inġustizzja, però rrikonoxxa l-ħidma li jagħmlu l-professjonisti tagħna fl-iktar mumenti diffiċli li n-nies jinsabu fihom. Pereżempju l-ħaddiema tal-179 fil-ftehim hemm miżura speċifika għalihom. Dawn bis-serjetà għenu nies ma jikkommettux suwiċidju.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM, Josef Vella, iddeskriva lill-ħaddiema tal-FSWS bħala nies li jagħmlu xogħolhom fis-skiet, li ħafna drabi ma jkunx apprezzat.
Irrikonoxxa l-fatt li l-FSWS għandha firxa wiesa’ ta’ servizzi ta’ sapport u interventi fi żminijiet ta’ kriżi, u għalhekk is-sinifikat aktar qawwi ta’ dan il-ftehim, li se jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet ta’ mijiet ta’ ħaddiema.
Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kollettiv kien hemm is-Segretarji Permanenti Joyce Cassar u Mark Musù.