Il-prosekuturi u l-prokuraturi legali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali se jibbenefikaw minn ftehim kollettiv ġdid li huwa l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu, wara li ntlaħaq qbil bejn l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-UĦM – Voice of the Workers, li tirrappreżenta lill-ħaddiema.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fil-Belt Valletta, li fiha ġie spjegat li dan il-ftehim se jiżgura li l-istess uffiċċju se jkollu fi ħdanu avukati motivati, imħarrġa ,u impenjati biex jaffaċċjaw l-isfidi attwali u li ġejjin.
Fil-fatt, l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg saħqet li l-prinċipji li jħaddan dan il-ftehim kollettiv huma l-investiment, iż-żamma u t- tmexxija ’l quddiem tal-uffiċjali li diġà jaħdmu fl-uffiċċju, kif ukoll sabiex ikompli jattira nies ta’ esperjenza sabiex bħala uffiċċju jkompli għaddej bil-ħidma.
Qalet, “Il-ħsieb wara l-collective agreement huwa bażikament sabiex ninċentivaw u nħeġġu l-uffiċjali tagħna biex jagħtu output kif jixraq u servizz għan-nies tagħna u ċ-ċittadini u biex, fl-aħħar mill-aħħar, ikunu strument fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM – Voice of the Workers, Josef Vella, spjega li dan il-ftehim kollettiv ikopri sal-2024 u se jtejjeb il-kundizzjonijiet u l-pagi tal-professjonisti legali.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, tkellem dwar l-importanza ta’ dan il-ftehim kollettiv u sostna l-ħtieġa tiegħu biex madwar 50 professjonist legali li se jgawdu minnu jaqdu dmirhom bl-aqwa mod possibbli u fl-interess tal-ġustizzja.
Huwa fakkar ukoll kif, fl-aħħar snin, il-Gvern żied l-investiment fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali b’mod sostanzjali, tant li mis-sena 2020 sal-lum ġiet irduppjata l-allokazzjoni ta’ fondi biex b’hekk, illum, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għandu allokati ’l fuq minn €3.5 miljun.
Il-Ministru Jonathan Attard qal li dan l-investiment qed iħalli l-frott tant li tul din is-sena inħarġu 288 sett ta’ artikoli, 38 att ta’ akkuża, u mill-2022 sal-aħħar ta’ Novembru ta’ din is-sena l-uffiċċju istitwixxa 135 kawża kriminali.
Qal, “Raddejt ħajr ukoll lill-professjonisti legali f’dan l-uffiċċju, partikolarment għall-impenn li wrew flimkien ma’ entitajiet oħra biex pajjiżna, fost oħrajn, joħroġ mill-greylisting u kif ukoll f’dak li għandu x’jaqsam ma’ prosekuzzjoni ta’ reati li xxukkjaw lill-pajjiż u li rajnihom fl-aħħar isiru l-passi neċessarji biex issir ġustizzja fuqhom.”
Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kollettiv kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Joyce Cassar, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Johan Galea, kif ukoll ħaddiema fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u rappreżentanti tal-Industrial Relations Unit fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.