Ħaddiema tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità se jgawdu minn kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar permezz ta’ ftehim kollettiv ġdid, li ġie nnegozjat bejn is-sezzjoni tar-Relazzjonijiet Industrijali fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, l-Unjin Ħaddiema Magħqudin u t-tmexxija tas-CRPD.
Dan il-ftehim jinkludi titjib fil-pakkett finanzjarju, b’żieda ta’ 2.5% fis-salarji, u se jkopri sa tmiem is-sena 2026.
Permezz ta’ dan il-ftehim il-ħaddiema se jkollhom aktar flessibiltà fuq il-post tax-xogħol, biex ikun hemm bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja.
Aspett ieħor li ngħata attenzjoni matul in-negozjati kien biex tinħoloq struttura aħjar biex il-ħaddiema jkollhom inċentiv li javvanzaw fil-karriera skont il-ħiliet tagħhom u tingħata bażi aktar b’saħħitha biex l-istrateġija tal-infurzar tal-Kummissjoni tkompli tikber.
In-numru ta’ ħaddiema mas-CRPD jammonta għal 40 u kważi nofshom huma persuni b’diżabilità.
Il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli spjegat li b’dan il-ftehim qed jiġu mtejba l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema.
“Il-ftehim kollettiv ġdid se jkun qed jara pakkett aħjar għal ħaddiema kif ukoll flessibiltà aktar fuq il-post tax-xogħol.”
L-Aġent Kummissarju tas-CRPD Rhoda Garland stqarret li dan il-ftehim huwa pass importanti fl-istrateġija tal-Kummissjoni, filwaqt li r-rappreżentanta tal-UĦM Isabelle Farrugia awgurat li dan iwassal ukoll biex is-settur ikompli javvanza u jkompli jsaħħaħ id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità.