B’kollox, 94 ħaddiem fil-Freeport Corporation bdew igawdu minn żieda ta’ 2.5 fil-mija fis-sena fis-salarju tagħhom wara li ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid bejn il-Korporazzjoni u l-General Workers’ Union.
Il-ftehim kollettiv ġie ffirmat fil-preżenza tal-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Artijiet, Silvio Schembri, u se jkun qed jibda japplika minn Jannar ta’ din is-sena.
Permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv, minbarra żieda fil-pagi, il-ħaddiema se jkunu qegħdin igawdu wkoll minn aktar benefiċċji fosthom żidiet fl-allowances, żieda fit-taħriġ, u titjib f’kundizzjonijiet oħra.
Il-Ministru Schembri rrimarka li filwaqt li nitkellmu ħafna fuq l-investimenti li nagħmlu bħala pajjiż biex ninċentivaw l-industrija, bla dubju wieħed mill-aqwa investimenti li nistgħu nagħmlu huwa fil-ħaddiema.