Ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid bejn l-Awtorità tad-Djar u l-Unjin Ħaddiema Magħqudin, il-UĦM.
B’hekk, il-ħaddiema fi ħdan l-istess Awtorità jaraw tisħiħ tal-kundizzjonijiet tagħhom tul il-ħames snin li ġejjin.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, aċċenna għall-irwol importanti ta’ dawn il-ħaddiema, partikolarment fit-tħaddim ta’ skemi ġodda u biex ikun hawn aktar binjiet ta’ akkomodazzjoni soċjali.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, qal li dan il-ftehim kollettiv ġdid mhux biss se jtejjeb l-esperjenza tal-impjegati iżda wkoll se jkompli jipprovdi servizz pubbliku tal-ogħla kwalità.
Id-Direttur tal-Unjin Ħaddiema Magħqudin, Mario Sacco, spjega aktar fid-dettall liema kundizzjonijiet se jkun qed itejjeb dan il-ftehim.
“Żidiet tas-salarji u l-allowances, u qed isaħħaħ kemm l-istruttura, kemm dawk li huma family-friendly measures, kif ukoll anke tisħiħ ta’ allowances ġodda għas-sezzjoni tal-infurzar.”
Mario Sacco
Dwar dan tkellmet ukoll Rosemarie Zahra, uffiċjal għolja tal-Awtorità tad-Djar.
“Qed joffru wkoll stabbilità bejn l-Awtorità u l-unjin, apparti benefiċċji ta’ pagi u allowances ġodda. Dan il-pakkett qed jara benefiċċji oħra, fejn il-ħaddiema se jkollhom family-friendly measures aħjar.”
Rosemarie Zahra
Preżenti għall-iffirmar kien hemm is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Mark Musù.