Aktar minn 220 ħaddiem tal-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni li jkunu qed ifittxu l-Ażil, l-AWAS, se jkunu qed jibbenefikaw minn kundizzjonijiet u drittijiet aħjar b’żidiet ta’ mill-inqas 5% fuq is-salarju bażiku eżistenti. L-istess ħaddiema se jgawdu wkoll minn aktar bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol u mit-tisħiħ ta’ miżuri oħra eżistenti.
Dan wara l-iffirmar ta’ ftehim kollettiv ġdid bejn l-AWAS u l-General Workers’ Union li ġie ffirmat fil-preżenza tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri.
Il-Ministru Camilleri saħaq fuq l-importanza tad-djalogu soċjali, li permezz tiegħu, il-Gvern, qiegħed ikompli jsaħħaħ lill-ħaddiem. Hu spjega kif permezz ta’ dan il-ftehim ġie konkluż l-ewwel ċiklu ta’ ftehimiet kollettivi għall-ħaddiema fis-setturi tas-sigurtà. Fil-fatt b’kollox saru ħdax-il ftehim kollettiv fi żmien tliet snin, li l-Ministru Byron Camilleri rrefera għalihom bħala l-aqwa rikonoxximent għall-impenn li juru ta’ kuljum l-istess ħaddiema.
Qal, “B’dan il-mod qed inkomplu naraw li fi ħdan il-Ministeru għall-Intern u fi ħdan il-Gvern inkomplu ninvestu aktar fil-ħaddiema. Il-ħaddiema tal-AWAS fl-aħħar snin irnexxielhom jagħmlu ħafna suċċessi żgħar. Bis-saħħa tagħhom raw li jagħtu servizz mill-aqwa.”
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union Josef Bugeja spjega kif huwa ta’ sodisfazzjon li l-General Workers’ Union għalqet ftehim ieħor mis-sensiela ta’ ftehimiet kollettivi li qed tagħmel din il-unjin, mibnijin fuq l-esiġenzi tal-post tax-xogħol u l-aspirazzjonijiet tal-ħaddiema.
Stqarr, “Bħalma dejjem ngħid, kull iffirmar ta’ ftehim kollettiv huwa suċċess ta’ kull trejdjunjonista għaliex bihom inkunu qed intejbu kemm il-kundizzjonijiet tax-xogħol, kif ukoll id-dħul tal-ħaddiema biex ikollu kwalità tal-ħajja aħjar.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-AWAS Clayton Xuereb, qal li l-AWAS hija responsabbli, fost l-oħrajn, mit-twettiq tal-politika dwar il-welfare tar-refuġjati, dawk li jingħataw protezzjoni internazzjonali u persuni li jitolbu l-ażil.
Il-ftehim kollettiv ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-AWAS Clayton Xuereb, rappreżentanti tal-General Workers’ Union fosthom is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi, Kendrick Bondin, fil-preżenza tas-Segretarju Permanenti Emanuel Psaila u uffiċjali mit-taqsima tar-relazzjonijiet industrijali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.