Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett ippreseda l-iffirmar tal-ftehim kollettiv ġdid bejn il-Malta Air Traffic Services u l-General Workers’ Union (GWU). Dan il-ftehim ġdid, għall-ħaddiema fid-dipartiment tal-AIM se jġib miegħu titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u fil-pakkett finanzjarju tagħhom.
F’kummenti li ta wara l-iffirmar ta’ dan il-ftehim ġdid, il-Ministru Chris Bonett spjega li, “Dan il-ftehim huwa importanti biex dawn il-ħaddiema tant dedikati u importanti fl-operat tal-MATS ser ikunu qegħdin igawdu minn titjib sostanzjali kemm fil-paga tagħhom kif ukoll fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.”
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/07113626/pr250207a-1024x683.jpg)
Il-ministru qal li dan il-ftehim wasal ftit ġimgħat wara li kien iffirmat ftehim kollettiv ieħor fi ħdan il-MATS u dan huwa xhieda ċara tal-impenn tal-gvern li jkompli jinvesti fl-aqwa riżorsa tal-pajjiż, il-ħaddiema. Huwa rringrazzja lit-team maniġerjali fi ħdan il-MATS, l-Industrial Relations Unit (IRU) fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, lill-AIM Union Committee u l-General Workers’ Union għall-appoġġ sħiħ tagħhom matul dan il-proċess u li kienu fundamentali biex jintlaħaq dan il-ftehim importanti.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Air Traffic Services, il-Perit Claude Mallia qal li, “Dan il-ftehim ikompli jikkonferma l-fiduċja tal-kumpanija fil-ħaddiema tagħha li huma essenzjali sabiex il-miri ambizzjużi li għandna quddiemna jintlaħqu”.
Jurgen Azzopardi, rappreżentant għat-taqsima Marittima u Avjazzjoni fi ħdan il-GWU, qal: “Illum għalaqna ftehim kollettiv ieħor fil-kumpanija MATS fejn ħafna impjegati se jgawdu minn żidiet sostanzjali, arretrati u kundizzjonijiet aħjar. Nixtieq nirringrazzja lil kull min kien involut f’dan il-proċess u minn hawn inkomplu nħarsu ’l quddiem għal aktar ħidma flimkien.”
Dan il-ftehim kollettiv huwa t-tielet wieħed tax-xorta tiegħu fl-aħħar sena għall-ħaddiema fi ħdan il-MATS, u jkompli jixhed il-ħidma tal-gvern biex is-settur tal-avjazzjoni jkompli jikber, u jibni fuq is-suċċessi li esperjenza f’dawn l-aħħar snin.