L-Aġenzija Nazzjonali Maltija responsabbli mill-implimentazzjoni tal-Programm Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, kif ukoll l-immaniġġjar tal-Europass, tal-Eurodesk u tat-Timijiet Nazzjonali tal-VET , il-EUPA, u l-Union Ħaddiema Magħqudin, UĦM iffirmaw ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-istess aġenzija li se jara tisħiħ fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom fuq il-ftehim preċedenti.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, li kien preżenti għall-iffirmar, irringrazzja liż-żewġ partijiet li wara perjodu ta’ negozjati u diskussjonijiet intlaħaq dan il-ftehim kollettiv ġdid.
Huwa qal, “Ix-xogħol għall-aġenzija f’dawn l-aħħar snin żdied b’mod sostanzjali u l-ħidma li jwettqu l-ħaddiema fi ħdanha huwa fundamentali sabiex Malta tkun tista’ tagħmel l-aħjar użu mill-fondi pprovduti mill-Unjoni Ewropea. Għalhekk, huwa ġust li l-ħidma li qed titwettaq tiġi ppremjata filwaqt li tiġi mħarsa l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema,” tenna s-Segretarju Parlamentari Bonett.
Tkellem ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-EUPA Joe Schembri, fejn qal kif permezz ta’ dan il-ftehim l-aġenzija se tkompli tibni fil-kompetenzi tal-impjegati tagħha u tattira aktar organizzazzjonijiet lejn il-programmi li hija responsabbli minnhom.
Qal, “L-aġenzija tibqa’ impenjata li tassorbi l-fondi kollha fdati lilha permezz ta’ proġetti ta’ kwalità li jgawdu minnhom iċ-ċittadini kollha Maltin u Għawdxin,” stqarr il-Kap Eżekuttiv.
B’dan il-ftehim kollettiv, il-ħaddiema tal-EUPA ser ikunu qed jibbenifikaw minn żieda fis-salarju, disturbance allowance, introduzzjoni ta’ performance bonus, u numru ta’ miżuri favur il-familja, fost oħrajn. Il-managers kif ukoll l-uffiċjali se jibbenefikaw ukoll minn responsibility allowance. L-arretrati fuq is-salarji se jiġu mogħtija mill-1 ta’ Jannar 2021 filwaqt li l-benefiċċji l-oħra se jidħlu fis-seħħ mil-lum, 13 ta’ Ġunju 2023.