Aktar minn 250 ħaddiem tal-ARMS se jkunu qed jibbenefikaw minn kundizzjonijiet aħjar wara li ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid bejn l-ARMS Ltd u l-General Workers Union.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet il-Ħamis waranofsinhar hekk kif ġie ffirmat dan il-ftehim mill-Kap Eżekuttiv tal-ARMS, Silvio Scerri u r-rappreżentant tal-General Workers Union, Kendrick Bondin.
Fid-diskors tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-ARMS, Silvio Scerri, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-ftehim, li se jkopri ħames snin minn Jannar ta’ din is-sena.
“Dan il-ftehim kollettiv se jkun qed jolqot ’il fuq 250 ruħ; ftehim kollettiv ukoll li se jtul fiż-żmien, jiġifieri huwa ftehim kollettiv għal ħames snin fejn kulħadd se jibbenefika minn salarji aħjar u minn kundizzjonijiet ferm aħjar. Daqxejn serħan tal-moħħ għall-ħaddiema tal-ARMS li, għall-ħames snin li ġejjin jafu preċiżament fejn qegħdin f’dawk li huma kundizzjonijiet fuq ix-xogħol.”
Filwaqt li rringrazzja lil General Workers Union, Silvio Scerri rrikonoxxa wkoll il-ħidma sfiqa tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru sabiex seta’ jintlaħaq dan il-ftehim li se jibbenefikaw minnu tant ħaddiema tal-ARMS.
Kendrick Bondin, li huwa s-Segretarju tat-taqsima tal-General Workers Union li tieħu ħsieb l-entitajiet pubbliċi u tal-Gverm, qasam magħna l-punti saljenti li jinkludi dan il-ftehim u li jibbenefikaw minnhom dawn il-ħaddiema.
“Hawnhekk rajna ftehim kollettiv li qed jirrifletti aktar ir-realtajiet ta’ llum il-ġurnata. Fosthom rajna li jidħlu l-antenatal leave, il-carers’ leave li tkellimna fuqha wkoll f’dawn l-aħħar xhur. Rajna wkoll rigward examination leave, kif ukoll l-aspett finanzjarju tagħhom għall-pagi tal-ħaddiema biex jirriflettu x-xogħol li huma jagħmlu u d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom fil-ġranet ta’ kuljum tagħhom minħabba d-diversi dmirijiet u responsabbiltajiet li għandhom.”
L-iffirmar ta’ dan il-ftehim kollettiv kien ippresedut mis-Segretarja Permanenti fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Joyce Cassar.