Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett ippreseda fl-iffirmar ta’ ftehim kollettiv bejn il- ħaddiema tal-Vessel Traffic Services (VTS) fi ħdan Transport Malta u l-General Workers’ Union. Il-ftehim, milħuq permezz ta’ negozjati kostruttivi, se jkollu impatt pożittiv fuq ħaddiema u jiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar u paga mtejba. Dan il-ftehim importanti jenfasizza l-impenn ta’ Transport Malta li tiżgura ambjent ta’ appoġġ għall-impjegati tagħha, filwaqt li tirrikonoxxi l-kontribuzzjonijiet imprezzabbli tagħhom għas-sikurezza u l-effiċjenza marittima.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett spjega li dan il-ftehim kollettiv ġdid jirrifletti d-dedikazzjoni ta’ Transport Malta biex jipprijoritizza l-ġid tal-impjegati tal-Vessel Traffic Services. “Id-dedikazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema għandha rwol ċentrali fit-tħaddim tat-traffiku marittimu, u huwa xieraq li nipprovdulhom l-appoġġ u r-rikonoxximent meħtieġ li jixirqilhom,” saħaq il-ministru.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, il-Kurunell Dr Mark Mallia, stqarr li, “Dan il-ftehim jimmarka pass sinifikanti ’l quddiem fit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pakketti ta’ remunerazzjoni għall-impjegati tagħna tal-VTS. Aħna impenjati li nikkultivaw relazzjoni tajba u ta’ benefiċċju reċiproku mal-ħaddiema tagħna, u dan il-ftehim jenfasizza l-isforzi kontinwi tagħna f’dan ir-rigward. Nestendi l-apprezzament tiegħi lill-partijiet kollha involuti għall-ispirtu kollaborattiv tagħhom biex jintlaħaq dan il-ftehim.”
Il-ftehim kollettiv il-ġdid mhux biss jissolidifika s-sħubija bejn Transport Malta u l-impjegati tagħha iżda wkoll jafferma mill-ġdid l-impenn tal-Awtorità li żżomm l-ogħla standards ta’ sigurtà u effiċjenza fl-operazzjonijiet marittimi.