Ġie ffirmat il-ftehim kollettiv bejn il-Malta Air Traffic Services (MATS) u l-Malta Air Traffic Controllers’ Association. Dan il-ftehim qiegħed iseħħ wara diskussjonijiet li saru dawn l-aħħar xhur bejn iż–żewġ naħat dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-erba’ snin li ġejjin u li kien hemm ukoll kontribut minn naħa tal-Ministeru għat-Turiżmu biex intlaħaq dan il-ftehim. Preżenti waqt l-iffirmar kien hemm il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis.
Il-MATS irnexxielha tirdoppja l-profit tagħha fl-2013 u kompliet fit-triq pożittiva li qabdet matul dawn l-aħħar tliet snin, fejn baqgħet tirreġistra profit. Il-Ministru saħaq li dan jirrifletti l-ħidma kbira li qiegħda ssir mill-Bord, Management u l-impjegati kollha tagħha.
Il-kumpanija diġà kkommettiet mal-Unjoni Ewropea illi sal-aħħar tas-sena 2019 se tinvesti madwar €28 miljun sabiex issaħħaħ il-faċilitajiet u t-tagħmir li topera bih. Kif għamlet ukoll matul it-tliet snin ta’ qabel, il-Kumpanija qiegħda tiffinanzja l-ispiża kapitali kollha mill-working capital tagħha u mingħajr il-ħtiega illi tirrikkorri għal self mingħand il-Gvern jew banek kummerċjali, kif kien jiġri fl-amministrazzjonijiet preċedenti, kompla jgħid il-Ministru Zammit Lewis.
Għal darb’oħra, il-Ministru tenna kif sar matul dawn l-aħħar sentejn, il-kumpanija MATS mhu qiegħda tirċievi l-ebda subvention mingħand il-Gvern anzi qiegħda tħallas dividend ta’ €500,000 għal din is-sena li qiegħed jmur fil-Fond Konsolidat. Dan huwa sinjal ċar tal-għaqal li qiegħda titmexxa bih l-istess kumpanija.