Il-ħaddiema tal-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni se jibbenefikaw minn drittijiet, kundizzjonijiet u salarji aħjar permezz ta’ ftehim kollettiv ġdid.
Fost l-oħrajn, l-aġenzija tamministra u tieħu ħsieb l-operat taċ-ċentri magħluqa ta’ detenzjoni.
Fi Frar tas-sena li għaddiet, dak li qabel kien dipartiment tal-Gvern inbidel f’aġenzija u dan il-ftehim kollettiv li ġie ffirmat huwa l-ewwel wieħed għall-ħaddiema ta’ din l-aġenzija minn meta seħħ dan l-iżvilupp.
Permezz tal-ftehim kollettiv, il-ħaddiema tal-aġenzija se jibbenefikaw minn progress aħjar fil-karriera u għarfien permezz ta’ titjib sostanzjali fis-salarji u fl-allowance.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tad-Detenzjoni Kyle Mifsud tenna li b’ħidma konġunta irnexxielhom jaslu għal ftehim biex il-ħaddiema jkollhom kundizzjonijiet u ġranet tax-xogħol iktar effiċjenti.
Qal, “B’dan il-pakkett maqbul illum, ħa nkunu qed noffru kundizzjonijiet aħjar lill-ħaddiema tagħna, salarju aħjar u anka progression tul il-karriera tagħhom. Minn hawn nirringrazzja lill-General Workers Union u Detention Unit tal-ħidma tagħhom tul dawn l-aħħar xhur sabiex wasalna hawnekk.”
Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kollettiv kien hemm il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, li qal li l-ftehim huwa wieħed minn kullana ta’ rekord ta’ ftehimiet li l-gvern iffirma mal-għaqdiet tal-ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tas-sigurtà ta’ pajjiżna.
Qal, “Wasalna għal ftehim biex f’dan il-post tax-xogħol tagħhom jibqa’ jkollhom karriera u jkunu jistgħu ikomplu jikbru fil-post tax-xogħol tagħhom. Inħares ‘il quddiem biex kif qed nagħmlu ma’ diversi gruppi ta’ ħaddiema, li nkomplu ntejbu l-kundizzjonijiet u d-drittijiet tagħhom għaliex verament qalbna mal-ħaddiem.”
Is-Segretarju tat-Taqsima fil-General Workers’ Union, Theo Vella, qal li permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv, fl-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni sar pass importanti ieħor fejn l-uffiċjali tad-detenzjoni qed jagħmlu qabża oħra fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.