Ftehim iffirmat ser jara l-għaqdiet volontarji Għawdxin jkollhom aċċesss aħjar għas-servizzi offruti miċ-Ċentru tal-Volontarjat f’Għawdex.
Dan hekk kif il-ftehim iffirmat bejn il-Ministeru għal Għawdex, is-Segretarjat Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji u l-Kunsill għas-Settur tal-Volontarjat ser jara l-kollaborazzjoni biex dan iċ-ċentru jkun immexxi mill-istess Kunsill.
Iċ-Ċentru ser ikun qed iservi primarjament biex il-volontarjat ikompli jiżviluppa f’Għawdex u l-għaqdiet volontarji jsibu l-appoġġ meħtieġ ta’ kuljum.
Dan filwaqt li ċ-ċentru ser ikun qed iservi bħala bażi minn fejn dawn l-għaqdiet jistgħu jaħdmu.
Fost is-servizzi li ser joffri dan iċ-ċentru hemm żewġ uffiċini disponibbli biex jintużaw mill-għaqdiet volontarji Għawdxin u sala mgħammra b’apparat elettroniku sabiex isiru l-preżentazzjoni.
Il-President għall-Kunsill Malti għall-Volontarjat, Dr Noel Camilleri spjega kif dan iċ-ċentru ser jixpruna l-ħidma volontarja fil-komunità Għawdxija.
Huwa stqarr: “Ser nipprovdu servizz aħjar b’mod aktar effiċjenti u b’mod aktar modern biex il-volontarjat kollha, is-setturi kollha tal-volontarjat, l-għaqdiet volontarji ser ikollhom il-faċilità jużaw dan iċ-ċentru b’mod liberu u fl-interess tas-settur.”
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri spjega kif l-għan ta’ dan iċ-ċentru huwa li jservi sabiex irawwem u jiżviluppa l-volontarjat fil-komunità Għawdxija.
Huwa qal, “Permezz ta’ dan il-ftehim ser ikun hemm aktar assistenza għas-settur volontarju, għall-volontiera, għall-NGOs u dan propju qegħdin nagħmluh sabiex dawk is-servizz li jeżistu ġewwa l-gżira ta’ Malta jkunu hawnhekk ukoll ġewwa Għawdex.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Volontarjat, Clifton Grima saħaq kif dan il-ftehim ser jassigura servizz dejjiemi u stabbli għall-għaqdiet volontarji Għawdxin.
Huwa sostna: “L-għaqdiet volontarji Għawdxin li jagħmlu tant xogħol imprezzabbli ġewwa l-komunitajiet ġewwa Għawdex ikollhom propju punt stabbli li fih jistgħu jsibu l-għajnuna, jistgħu jsibu direzzjoni u fuq kollox ikunu jistgħu jibbenefikaw minn diversi skemi u diversi inizjattivi li jiħu mħabbra minn żmien għal żmien.”