Lukandi madwar Malta u Għawdex issa se jkunu qed jingħataw iċ-ċans li jipparteċipaw fi skema li biha se jkunu qed jiffrankaw l-enerġija, grazzi għal skema mħabbra mill-Gvern.
Dan wara ftehim li ġie ffirmat bejn il-Gvern u l-Assoċjazzjoni tal-Lukandiera u Ristoranti (MHRA). Għal din l-iskema l-Gvern alloka miljun ewro li se jkunu qed jintużaw fost il-lukandi li se jipparteċipaw f’din l-iskema fejn interessati li jipparteċipaw jistgħu billi jagħmlu studju kif jistgħu jiffrankaw l-enerġija.
Dawn se jkunu qed jingħataw software b’xejn, li se jkejjel l-ammont ta’ enerġija li se tuża’ l-lukanda. Il-Gvern se jkun qed jippremja lill-parteċipanti.
Il-Ministru Konrad Mizzi fid-diskors tiegħu qal li dan l-isforz se jingħaqad bl-impenn tal-Gvern biex jgħin aktar lukandi jiffrankaw il-flus. Fakkar kif dan il-Gvern raħħas il-kontijiet tad-dawl b’25% għan-negozji.