Ġie ffirmat ftehim għal trasferiment ta’ art lil Luqa St Andrew’s, li minnu se jgawdu bosta dilettanti tal-logħba tal-ballun, il-futbol.
Il-ftehim jippermetti li dan il-klabb jokkupa l-art għal perjodu itwal, minn kirja ta’ ħamsa u għoxrin sena kif kellu qabel.
Il-klabb issa se jkun jista’ jinvesti f’faċilitajiet state-of-the-art, fosthom binja ġdida.
L-iffirmar kien ippresedut mill-Ministru għall-Isport Clifton Grima u l-Ministru għall-Artijiet Silvio Schembri.
Il-Ministru Grima qal li dan huwa ftehim ieħor li juri l-impenn tal-Gvern fis-settur sportiv.
“Bħala Gvern, permezz ta’ SportMalta, dejjem nassiguraw illi nagħtu aktar għodda għall-klabbs tagħna, sabiex dawn ikomplu jinvestifit-tfal tal-lokalita’. Illum qed naraw propju ftehim, flimkien mal-Luqa St Andrew’s, illi permezz tiegħu għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom, dawn ħa jkollhom titlu fuq art u ħa jkollhom aktar sigurta’, u aktar serħan meta jiġu biex jaħdmu propju biex jaraw li jinvestu aktar fin-nursery, biex fl-aħħar tal-ġurnata, naraw l-iżvilupp sħiħ tat-tfal tal-lokalita.’”
Il-Ministru Silvio Schembri qal li meta kien żgħir hu wkoll kien jilgħab ma’ dan il-klabb, u din għalihom kienet biss ħolma.
“Kien għalhekk ukoll l-impenn li nassistu f’dan il-każ, kien hemm anke l-akkwist tal-art, il-fuq minn €50,000 investiment min-naħa tal-Gvern, sabiex tinxtara dik l-art, u allura mbagħad jingħata titolu ta’ċens b’saħħtu lil Luqa Nursery u lil Luqa Football Club, St Andrew’s Football Club, biex ikunu jistgħu eventwalment, ikollhom il-clubhouse hawnhekk u aktar faċiltajiet għat-tfal tar-raħal ta’ Ħal Luqa.”
Il-President tal-Klabb, Evan Camilleri, qal li se jkun hemm faċilitajiet ta’ sport differenti, fosthom il-padel u t-table soccer.
“Wara 89 sena tal-klabb tagħna, għall-ewwel darba għandna titlu ta’ ċens. Kellna diversi postijiet fir-raħal imma kienu dejjem b’kera. Illum għandna titlu b’saħħtu, titlu ta’ ċens, għandna wkoll f’idejna wara ħafna taħbit u permessi biex fil-fatt, ikollna clubhouse kif jixraqlu l-club maħbub tagħna.”
Pemezz tas-sussidju ta’ ħamsa u disgħin fil-mija offrut mill-Gvern fuq l-akkwist tal-artijiet tal-Gvern biex jiġu konvertiti f’faċilitajiet sportivi, l-ammont ta’ kera li l-klabb se jħallas fis-sena huwa ta’ elfejn u tletin ewro (€2,030), minflok il-valur propja ta’ erbgħin elf u sitt mitt ewro (€40,600).
Il-ħlas ta’ kera se jitpoġġa f’fond apposta, fejn minflok, il-flus se jiġu allokati għal aktar investiment fl-isport lokali.
L-art li qed tiġi trasferita se sservi wkoll lin-nursery taż-żgħażagħ ta’ Luqa St. Andrew’s kif ukoll tfal li jattendu l-iskola fil-qrib.