L-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta u l-Fondazzjoni għall-Arkivji Notarili ffirmaw ftehim dwar l-immaniġġjar tal-Arkivju tar-Reġistri Notarili.
Permezz ta’ dan il-ftehim il-Fondazzjoni għall-Arkivji Notarili se tkun qed tmexxi l-Arkivju tar-Reġistri Notarili, waqt li dan jibqa’ parti integrali mill-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta.
Joan Abela, il-President tal-Fondazzjoni għall-Arkivji Notarili, spjegat il-ħidma li wettqet il-fondazzjoni fl-aħħar snin biex dan l-arkivju jkun imħares, magħruf u apprezzat.
Hija qalet ukoll li l-Arkivji Notarili ħadmet biex ġenerazzjonijiet futuri jkunu mgħallma fuq ċertu suġġetti li sfortunatament qed imutu.
“Bdejna ndaħħlu suġġetti bħall-intelliġenza artifiċjali, ix-xjenza tal-kompjuter, l-engeneering. Bdejna ndaħlu dawn is-suġġetti kollha biex kemm jista’ jkun l-arkivji ma narawhomx biss bħala post fejn jiġi riċerkatur, jitlob volum, jarah u jtihulek lura imma jkun ppost ta’ attività kontinwa. Attività multi dixxiplinarja.”
L-Arkivista Nazzjonali Dr Charles Farrugia ta eżempju ċar ta’ kif dan l-MOU se jkun ta’ benefiċċju kbir għal dokumenti prezzjużi bħall-poeżija ‘Il-Kantilena’.
“Dan ovvjament ħa jkun ifisser li dokumenti importantissimi li għandna fl-arkivju bħalma hi l-eqdem poeżija bil-Malti lu jieħdu l-kura li jixirqilhom fl-ambitu tal-arkivji nazzjonali.”
Waqt li kien qed jippresjedi l-iffirmar tal-ftehim, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, Owen Bonnici tenna li ż-żewġ entitajiet jaqsmu l-istess għan – dak li jħarsu l-arkivji ta’ pajjiżna u li dawn ikunu aċċessibbli.
“Il-pass li jmiss huwa il-ftuħ innifsu tal-Arkivju Notarili fil-Belt li dik se tkun attività sabiħa ħafna li diġà għandna kollox preparat u lest biex fil-ġimgħat li ġejjin flimkien ingawdu l-pass li jmiss f’dan il-qasam tant sabiħ u tant għall-qalb il-pubbliku Malti u Għawdxi.”