Il-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta u l-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali ffirmaw Memorandum of Understanding, bil-għan li jiġu analizzati fil-fond is-sentenzi tat-Tribunal għar-Reviżjoni Amministrattiva u tal-Qorti tal-Appell fir-rigward deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Awtorità tal-Artijiet.
Dan il-ftehim se jwassal għal aktar għarfien tal-isfidi legali kif ukoll għal suġġerimenti ta’ reviżjonijiet fil-qafas leġiżlattiv u amministrattiv biex l-operat tal-awtorità jkun aktar efficjenti u regolat b’mod aħjar, filwaqt li jkun allineat mal-aħjar prattiċi legali.
B’hekk, b’dan il-ftehim mhux biss se jkun qed jiżdied l-għarfien legali neċessarju f’dan is-settur, iżda se jservi wkoll bħala gwida aqwa għall-professjonisti u uffiċjali fil-ħidma li titwettaq.
Ir-Rettur, il-Professur Alfred J. Vella, qal li hu kburi jafferma li l-Università hi impenjata bis-sħiħ biex twettaq id-dover ċiviku tagħha billi, b’mod attiv, tikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja fis-soċjetà li sservi.
Il-Ministru Clifton Grima spjega li l-qasam tar-riċerka hu fost il-pilastri ewlenin li fuqhom qed tinbena l-ekonomija Maltija.
“Il-ftehim tal-lum hu konferma oħra kif, meta jkollok diversi entitajiet li jaħdmu flimkien, kapaċi joħolqu dik il-pjattaforma li twelled dan l-għarfien, għarfien li se jħares lejn settur partikolari f’pajjiżna. Għarfien li se jagħti linji gwida importanti permezz ta’ riċerka.”
Il-Ministru Clifton Grima
Min-naħa tiegħu, il-Ministru responsabbli mill-artijiet Stefan Zrinzo Azzopardi qal li jinsab fiduċjuż li r-riżultati ta’ dan l-istudju se jkunu strumentali biex jiggwidaw lill-Awtorità tal-Artijiet lejn aktar effiċjenza u kontabbiltà.
“Dan hu mezz legali tal-ħidma li tagħmel l-Awtorità, filwaqt li hu mezz biex inkomplu nsaħħu l-ħidma tagħha b’referenzi għal deċiżjonijiet li ttieħdu għal dawn l-aħħar snin.”
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi