Ftehim bejn il-Korp tal-Pulizija u l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali ser iwassal għal koperazzjoni aktar effettiva bejn iż-żewġ entitajiet. Dan hekk kif jistipola sett ta’ regolamenti sabiex id-drittijiet tal-persuni li jkunu qegħdin jiġu arrestati, interrogati jew miġjuba quddiem il-Qorti jkunu ssalvagwardjati.
Fost l-oħrajn il-ftehim ser iwassal sabiex jiggarantixxi li l-akkużat jingħata minn tal-inqas siegħa ċans qabel ikun mixli quddiem il-Qorti sabiex jitkellem mal-Avukat tal-għajnuna legali tiegħu. B’hekk in-nuqqas ta’ abilità li l-akkużat ikollu sabiex iħallas avukat tal-għażla tiegħu bl-ebda mod ma jippreġudikah fil-proċess quddiem il-Qorti.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis stqarr kif ir-rappreżentanza legali tal-persuna, irrelevanti mill-mezzi li jkollha huwa massimu legali li huwa rifless permezz ta’ dan il-ftehim.
“Ftehim illi juri li għandna ġustizzja aċċessibbli għal kulħadd indipendentament mill-mezzi finanzjarji tagħhom u li huwa Gvern illi jisma u li huwa Gvern tan-nies u għan-nies.”
Il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri spjega kif dan il-ftehim huwa għodda li tassigura li kulħadd ikollu aċċess sħiħ għall-ġustizzja. Dan filwaqt li stqarr kif fil-futur qrib ser ikunu mħabbra iżjed għajnuniet professjonali għall-vittmi ta’ kriminalità f’pajjiżna.
“Il-Korp tal-Pulizija jibqa’ kommess illi mhux biss jagħti l-għajnuna kollha possibli anke permezz ta’ ftehimiet bħal dawn, lil min ikun akkużat iżda wkoll li jibqa jagħti s-servizz li qed jagħti u jżid miegħu anke lill-vittmi.”