Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Maqgħuda, Antonio Guterres saħaq li l-ftehim għar-rijunifikazzjoni taċ-Ċipru mhux ‘il bogħod wisq.
Filwaqt li tenna li ż-żewġ partijiet jinsabu viċin xulxin qal li jkun żball jekk ikun hemm min jaħseb li kollox se jissolva u jiġi f’postu f’kemm trodd salib.
Waqt li kien qed jitkellem f’Ġinevra, Guterres qal li l-għaqda fil-gżira ta’ Ċipru tista’ jseħħ jekk jittieħdu l-miżuri meħtieġa.
Il-komunitajiet taċ-Ċiprijotti Griegi u dawk Torok ilhom mifruda sa mill-elf disa’ mija erbgħa u sebgħin u fil-kapitali Nikosija jispikka ħajt li jaqsam iż-żewġ gruppi.
Punt kardinali li jinsab fil-qalba tan-negozjati huwa r-ritorn tal-proprjetà lil eluf ta’ Ċiprijotti Griegi li ħarbu meta kien hemm il-kunflitt fis-sebgħinijiet.
Mhux ċar lanqas jekk it-truppi Torok, li jammontaw għal madwar tletin elf hux se jħallu l-parti li tinsab fit-tramuntana tal-gżira.