Sala fil-binja tal-kunsill lokali tal-Marsa, li għadha kif ġiet rinnovata, se tintuża bħala Ċentru tal-Anzjanità Attiva fil-Marsa.
Dan wara ftehim bejn id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, u l-Kunsill Lokali tal-Marsa, biex jiżdiedu l-opportunitajiet għall-anzjani, fosthom dawk ta’ tagħlim tul il-ħajja, taħdidiet edukattivi, u attivitajiet oħra.
Iċ-ċentru fil-Marsa se jkun immexxi minn ħaddiema tal-Anzjanità Attiva b’kollaborazzjoni mal-kunsill, li flimkien fasslu programm ta’ attivitajiet immirat lejn l-anzjan bil-ħsieb li jkompli jippromwovi t-tagħlim, l-attività fiżika u mentali, u l-interazzjoni soċjali.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, spjega li ċentri bħal dawn jgħinu ħafna fil-ħidma biex tiġi indirizzata s-solitudni fost l-anzjani.
“F’din il-lokalità hawn ammont ta’ anzjani, li sa issa kienu jużaw iċ-ċentru ta’ matul il-jum ġewwa l-Ħamrun, imma issa peress li qed nużaw dan il-post tant sabiħ u kkonvertit bl-iktar mod eċċellenti ġewwa dan il-Kunsill, qegħdin nagħtu l-opportunità lin-nies t’hawnhekk stess li jkunu jistgħu jiġu hawnhekk u b’hekk inkunu qegħdin dejjem aktar viċin tagħhom u nnaqqsu l-iskariġġ li jkollhom bżonn biex imorru minn post għall-ieħor.”
Iċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva fil-Marsa se jibda jkun miftuħ darbtejn fil-ġimgħa, bejn it-tmienja ta’ filgħodu u t-tlieta u kwart ta’ waranofsinhar fix-xitwa, u bejn it-tmienja ta’ filgħodu u s-siegħa ta’ waranofsinhar fis-sajf.
Għal aktar informazzjoni dwar dan iċ-ċentru u servizzi oħra tal-Anzjanità Attiva, wieħed jista’ jċempel fuq 22788900 jew iżur is-sit aacc.gov.mt.
B’dan iċ-ċentru fil-Marsa, in-numru ta’ ċentri tal-anzjanità attiva issa tela’ għal tletin, u fihom jattendu xejn inqas minn elfejn u mitejn membru anzjan u anzjana, minn madwar il-pajjiż.