B’daqqa ta’ pinna kien iffirmat ftehim ta’ sħubija li se jipprovdi sebgħa u erbgħin elf ewro mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli lokali.
Dan biex l-assoċċjazzjoni tkompli tħarreġ lill-membri eletti flimkien mal-ħaddiema tal-kunsilli lokali dwar materji ta’ governanza tajba, trasparenza u responsabbiltà.
Il-Ministru għall-Gvern Lokali José Herrera qal li din l-inizjattiva se tikkumplimenta waħda mill-għaxar pilastri tar-riforma politika tal-gvernijiet lokali.
Qal kif, “L-iskop ta’ dawn il-flus huma sabiex ngħallmu u noffru tagħlim u esperjenza akkademika lill-membri eletti fi ħdan il-kunsilli lokali.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li dan il-ftehim se jibbenefika min-Norwegian Grants u tenna li t-taħriġ li se jingħata grazzi għal dawn il-fondi, se jsaħħaħ il-ħiliet amministrattivi u maniġerjali tal-gvern lokali.
Qal, “Dan huwa ftehim importanti li se tagħti aktar taħriġ fil-qasam tal-kunsilli lokali, taħriġ li jwassal għal governanza aħjar, aktar effiċjenza u fuq kollox servizz aqwa liċ-ċittadin.”
Dan it-taħriġ jimmira li jkun ta’ benefiċċju mhux biss għall-kunsilli lokali iżda għan-nies tal-lokal ukoll.