Ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn l-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta u l-kumpanija internazzjonali Ancestry se jwassal biex, għall-ewwel darba, se jkunu jistgħu jiġu offruti servizzi ta’ riċerka ġeneoloġika bla ħlas f’dik li hi meqjusa bħala waħda mill-akbar databases fid-dinja.
Illum l-istess riċerka tista’ wkoll issir, iżda, b’mod manwali wara l-akkwist ta’ kollezzjoni prezzjuża mill-Arkivju Nazzjonali f’dawn l-aħħar snin, li wkoll ġiet irrestawrata u ppriservata.
F’konferenza tal-aħbarijiet, fl-okkażjoni tal-ftehim ġdid milħuq, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, tenna, kif permezz ta’ aċċess b’xejn għad-database ta’ Ancestry, li tiġbor 40 biljun rekord minn 80 pajjiż, fiż-żmien li ġej, se jkun aktar faċli biex wieħed ikun jaf aħjar u jibni l-arblu tar-razza tal-familja tiegħu.
Mal-mikrofonu ta’ ONE, spjega eżatt x’jinkludi u x’benefiċċji joffri lill-pubbliku inġenerali dan il-ftehim bis-saħħa tal-ħidma tal-Arkivji Nazzjonali biex jissaħħaħ il-kontribut tiegħu fil-ħarsien tal-memorja nazzjonali.
Qal, “Dan hu ftehim li jġib flimkien l-Arkivji Nazzjonali u kumpanija privata, li għandha firxa dinjija u, bis-saħħa ta’ ħidma li saret fl-aħħar snin, issa qegħdin f’pożizzjoni li noffru lill-familji Maltin u Għawdxin l-opportunità li jkunu jafu l-arblu tar-razza tagħhom, tal-familja tagħhom, l-arblu ġeneoloġiku. Biex b’hekk insaħħu l-memorja kollettiva ta’ dan il-pajjiż tant rikk fl-istorja u li tant irridu nkomplu nsaħħu l-identità kulturali tiegħu.”
L-Arkivist Nazzjonali, Dr Charles Farrugia, spjega li din il-ħidma bdiet proprju mal-erba’ snin ilu meta ġiet akkwistata kollezzjoni prezzjuża bl-isem ta’ Ġuljana Letard Ciantar u beda x-xogħol meħtieġ ta’ konservazzjoni, preservazzjoni u katalogar tagħha.
Stqarr, “Il-Ġuljana Letard Ciantar hi ġeneoloġija, jiġifieri fuq medda ta’ snin, numru ta’ nies ġabru informazzjoni mill-arkivji parrokkjali, dwar il-magħmudijiet, dwar iż-żwiġijiet, dwar l-imwiet u minnha f’din il-kollezzjoni, li nistgħu nsejħulha qisha enċiklopedija, wieħed jista’ jiġbor l-arbli tar-razza mingħajr ma joqgħod idur minn parroċċa għall-oħra u l-importanza tagħha li issa qegħda fid-dominju pubbliku, qegħda fl-Arkivji Nazzjonali fejn wieħed jista’ jiġi u jibni l-arblu tar-razza minn hemmhekk.”
L-istess ftehim se jwassal biex Ancestry toħloq kopja diġitali tal-Ġuljana Letard Ciantar kif ukoll indiċi bi spejjeż tagħha, li se jgħaddu għand l-Arkivji Nazzjonali, waqt li l-kollezzjoni proprja tibqa’ proprjetà tal-Arkivji.